Kien it-Tnejn għoxrin ta’ Awwissu, ftit wara t-tmienja ta’ filgħaxija.
Ħdax-il sena ilu, madwar il-pajjiż bdiet tiġri l-aħbar li miet l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dom Mintoff, fl-età ta’ sitta u disgħin sena. Bosta kienu ddispjaċuti għat-telfa ta’ ġġant fil-politika Maltija, b’dan jixhduh l-eluf ta’ nies li attendew għall-aħħar tislima.
Il-Perit Mintoff kien it-tmien Prim Ministru ta’ Malta u r-raba’ Mexxej tal-Partit Laburista. Duminku Mintoff twieled f’Bormla fis-sitta ta’ Awwissu tal-elf disa’ mija u sittax. Huwa kien Segretarju Ġenerali u anki Deputat Mexxej tal-Partit Laburista mal-mexxej ta’ dak iż-żmien, it-Tabib Pawlu Boffa.
F’Ottubru tal-elf disa’ mija disgħa u erbgħin, huwa sar Mexxej tal-Partit Laburista u serva fil-kariga ta’ Prim Ministru ta’ Malta f’erba’ leġiżlaturi; bi tlieta minnhom wara li pajjiżna kiseb l-indipendenza. Il-Perit Mintoff baqa’ jmexxi l-Partit Laburista sa Diċembru tal-elf disa’ mija erbgħa u tmenin, hekk kif ħalla postu lil Karmenu Mifsud Bonnici.
Fost l-akbar kisbiet li ġraw f’Malta taħt it-tmexxija tal-Perit Mintoff kien hemm il-Ħelsien, meta fl-aħħar ta’ Marzu tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin, il-bażijiet militari Ingliżi telqu darba għal dejjem minn pajjiżna. Huwa ħaddan politika favur il-ġustizzja soċjali, favur il-ħaddiema, waqt li ħaddan politika favur il-paċi u n-newtralità.