Ħdax -il raġel u mara temmew b’suċċess il-vjaġġ tagħhom mal-Caritas u se jirritornaw fis-soċjetà.
Il-Caritas immarkat il-kisbiet ta’ dawn il-persuni b’ċerimonja ta’ gradwazzjoni.
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt sostna kif din l-organizzazzjoni toffri komunità fejn dawn in-nies isaħħu l-għeruq tagħhom bil-għan li jkunu kapaċi jikkumbattu l-elementi u s-saram tal-ħajja.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Marica Cassar, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Caritas, u qaltilna kemm jiġu riferuti nies lejn is-servizzi tal-Caritas.
Cassar stqarret, “Fl-Outreach tagħna jiġu madwar elf u tliet mitt persuna jitolbu l-għajnuna. Ma jfissirx li dawk kollha li jidħlu fi programm residenzjali, ikun hemm minnhom, ma’ kull persuna aħna nitkellmu, naraw il-ħtiġijiet tagħha u kull persuna tiġi indirizzata lejn xi bżonn għandha hi. Hemm min m’għandux bżonn li jagħmel programm residenzjali.”
Hija spjegat li qabel ma r-residenti jispiċċaw il-programm, jibdew il-vjaġġ tagħhom lura fis-soċjetà u saħansitra jingħataw daqqa t’id biex jassiguraw post tax-xogħol.
Hi qalet, “Il-motto tagħna huwa ‘vjaġġ ta’ elf mil li jibda mill-ewwel pass’, u l-ewwel pass ikun dik it-telefonata biex jagħmlu kuntatt u jibdew jerġgħu jaħdmu biex jieħdu l-ħiliet u l-għodod li għandhom bżonn. Illum ifisser dal-vjaġġ tagħhom ġie fi tmiemu, il-programm tagħhom spiċċa imma jibda programm ieħor importanti fis-soċjetà.”
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-President ta’ Malta, George Vella li stqarr kif dan il-jum ta’ gradwazzjoni huwa ċelebrazzjoni tal-isforz kollettiv tar-residenti u l-professjonisti li jakkumpanjawhom tul dan il-vjaġġ.