Permezz tal-aġenzija Ambjent Malta l-Kunsilli Lokali se jgawdu minn seba’ mitt elf ewro f’fondi biex jwettqu diversi proġetti ta’ tħaddir fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
L-iskema ‘Urban Greening’ se tkun tinkludi t-twettiq ta’ ħdax-il proġett ambjentali li lkoll se jsebbħu żoni fil-qalba tal-komunità.
Il-proġetti magħżula kellhom ħames kriterji li jinkludu l-element ambjentali tal-proġett, l-oriġinalità, l-impenn kulturali u l-benefiċċju lejn il-komunità, id-disinn estetiku, u ż-żmien tal-implimentazzjoni tal-proġett. Dan sabiex jiġi żgurat li jintagħżlu l-aħjar proġetti fost dawk sottomessi.
Il-Kunsilli rispettivi ġew ippreżentati bil-ftehim mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Paralmentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Fost il-lokalitajiet li mistennija jgawdu minn dawn il-proġetti hemm Għajnsielem, ir-Rabat, il-Ħamrun, Raħal Ġdid, u ż-Żejtun.
Il-Ministru Dalli affermat mill-ġdid il-viżjoni tal-Gvern li jsebbaħ il-lokalitajiet madwar pajjiżna billi bi proġett wara l-ieħor jinħolqu spazji ħodor, sostenibbli, u bla perikli.
“L-impenn tagħna huwa li nkomplu nsebbħu l-ambjent, inkluż ukoll l-ambjent urban. Għalhekk li qegħdin anki l-ħin kollu niddiskutu mal-kunsilli lokali, għaliex huma l-persuni idonei biex jidentifikaw fil-lokalità tagħhom liema huma dawk iż-żoni li forsi sal-lum għadhom kemxejn abbandunati, biex inkunu nistgħu niżviluppawhom fi spazji miftuħa għar-residenti tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li proġetti ta’ dan it-tip jenfasizzaw l-importanza tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja u, għalhekk, l-importanza ta’ aktar proġetti u skemi ambjentali li jinvestu direttament fil-livell lokali.