Ħdax-il proġett se jirċievu total ta’ tliet mija u erbgħin elf ewro bħala parti mill-Programme Support Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Din l-iskema, li tinfetaħ tliet darbiet fis-sena, għandha l-għan ewlieni li sservi ta’ għajnuna għall-artisti sabiex jinħolqu iżjed programmi innovattivi li jinkludu produzzjonijiet, esebizzjonijiet, wirjiet, u festivals, b’impenn favur il-kultura komunitarja u taħriġ.
Matul il-preżentazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, enfasizza l-impenn ta’ dan il-gvern li joħloq ekosistema kulturali sostenibbli.
Qal, “Illum qassamna terz ta’ miljun ewro, li huwa l-ewwel parti minn tlieta lil numru ta’ organizzazzjonijiet kulturali li se jagħmlu proġetti li jmexxu ’l quddiem is-settur kulturali ta’ pajjiżna. Dan huwa l-mod ta’ kif aħna rridu nkunu ta’ sostenn għall-artisti tagħna, għall-qasam tal-kreattività biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem.”
L-għaqdiet li se jibbenefikaw minn din l-iskema huma l-YMCA, l-MADC, it-Teatru Salesjan, is-Centrestage Malta, l-Epiclectic Ltd, Charles Paul Azzopardi, iż-Żugraga Dance Organisation, Glen Calleja, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
Id-Direttur tal-Istrateġija u l-Fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, faħħret il-benefiċjarji. Irrimarkat dwar il-livell għoli ta’ applikazzjonijiet li rċevew filwaqt li spjegat dwar is-sejħa li jmiss.
Spjegat, “it-tieni sejħa hi diġà miftuħa, fil-fatt, li hi miftuħa sal-31 ta’ Mejju. Aħna bħala kunsill għall-arti, noffru s-servizz ta’ għajnuna fejn ngħinu lill-applikanti japplikaw għall-aħjar skema, l-aħjar mod li wieħed japplika, u l-proċeduri u l-kriterji kollha involuti.”