Ħidma li saret mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi, nhar il-Ġimgħa li għadda, wasslet għall-arrest ta’ erba’ żgħażagħ Maltin li l-età tagħhom tvarja bejn is-17 u 23 sena. Huma ġew arrestati waqt rejd li sar fi Pjazza San Pawl, il-Ħamrun, wara li nstabu fil-pussess ta’ droga x’aktarx raża, il-pjanta u l-ħaxixa tal-kannabis.
Dawn il-persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’akkuzi relatati ma’ traffikar u pussess ta’ droga fil-jiem li ġejjin.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.
Iktar ħidma li saret mill-istess skwadra flimkien mal-Pulizija tad-Distrett u t-Taqsima tal-Klieb, matul il-lejl li għadda ġewwa Paceville, irriżultat fl-arrest ta’ sebat irġiel mis-Somalja u l-Etjopja, li età tagħhom tvajra bejn l-20 u 25 sena.
L-irġiel inqabdu fil-proċess li jitraffikaw id-droga suspettata raża, pjanta tal-kannabis u kif ukoll kokaina.
Huma tressqu l-Qorti, iktar kmieni llum b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar tal-istess sustanzi, fejn ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest u għadhom qed jinżammu fil-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin.