Ħdax-il operatur ekonomiku daħlu l-offerti rispettivi tagħhom tul il-proċess ta’ sejħa għall-offerti li għalaq dalgħodu, għall-proġett tal-impjant tal-Waste-to-Energy.
Fi stqarrija mill-WasteServ ingħad li dan l-interess qawwi se jfisser li ġaladarba l-proġett isir, se jwassal għal titjib immedjat u konkret fl-infrastruttura u l-prestazzjoni ambjentali ta’ Malta.
Il-WasteServ irnexxielha tattira ismijiet ewlenin fid-dinja għal dan il-proġett; xhieda ta’ kemm il-pjan infrastrutturali għall-immaniġġjar tal-iskart huwa b’saħħtu.
L-offerti kollha se jiġu analizzati u jingħataw il-punti skont kriterji li ġew stabbiliti minn qabel ħarġet is-sejħa.
L-aqwa ħames offerenti eliġibbli li jiksbu l-ogħla punti, se jintagħżlu għall-istadju li jmiss.
Il-faċilità tal-Waste-to-Energy se tkun qed tipproċessa skart mhux riċiklabbli minflok jispiċċa fil-miżbla, biex ikun jista’ jiġi kkonvertit f’enerġija li ma tniġġisx.