F’pajjiżna feġġew ħdax-il każ ġdid ta’ persuni nfettati bil-coronavirus minn fost mitejn u disgħa u erbgħin swab li saru fl-aħħar sigħat, biex issa t-total ta’ każijiet pożittivi f’Malta, tela’ għal erbgħa u sittin.
Dwar l-aħħar żviluppi, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li għall-ewwel darba ġie kkonfermat każ ta’ anzjan li żviluppa l-kumplikazzjonijiet.
L-anzjan huwa Malti ta’ wieħed u sittin sena li beda bis-sintomi fit-tlettax ta’ Marzu. Huwa għandu l-kundizzjoni tal-pneumonia bilaterali – li tfisser li ż-żewġ partijiet tal-pulmun għandhom infezzjoni qawwija, li toħloq kumplikazzjonijiet minħabba l-coronavirus.
Il-Professur Gauci saħqet li l-kundizzjoni tiegħu mhix kritika u m’għandux bżonn jiddaħħal fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Hija sostniet: “Dan qiegħed jinżamm fl-Infectious Diseases Unit ta’ Mater Dei u kulma għandu bżonn huwa ossiġnu u monitoring tal-parameters tiegħu ħalli naraw li ma jkunx qiegħed jiddeterjora s-sitwazzjoni tiegħu però l-persuna ma kellux underlying conditions oħrajn li setgħu aggravaw aktar is-sitwazzjoni tiegħu.”
Is-sieħba tal-anzjan, ta’ ħamsa u erbgħin sena, ukoll kellha s-sintomi u rriżultat fil-pożittiv għall-virus. Iż-żewġ persuni jaħdmu flimkien, u l-ħsieb hu li ġew esposti għall-virus fuq il-post tax-xogħol fejn kien hemm persuna li kienet imsiefra.
Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm l-ewwel każ minn Għawdex ta’ raġel Malti ta’ disgħa u sittin sena, li huwa maħsub li ħa l-virus mingħand xi ħadd li kien preżenti għal laqgħa miegħu fl-għaxra ta’ Marzu.
Każ ieħor huwa ta’ Malti ta’ tlieta u sittin sena li kien għal btala fin-naħa ta’ fuq tal-Italja fit-tmienja ta’ Marzu, u beda bis-sintomi fl-erbatax tax-xahar. Huwa kien fi kwarantina obbligatorja, jgħix waħdu, u ma kellu kuntatt ma’ ħadd.
Irriżulta fil-pożittiv ukoll raġel ta’ ħamsa u erbgħin sena li kien il-Brażil. Persuna oħra li kienet miegħu qed isirulha t-testijiet għax hi wkoll żviluppat is-sintomi.
Każ ieħor huwa ta’ Maltija ta’ disgħa u erbgħin sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa fil-privat. Hija żviluppat is-sintomi fis-sbatax ta’ Marzu, u l-awtoritajiet tas-saħħa qed jaħsbu li dan huwa każ ta’ trażmissjoni lokali.
Anzjana ta’ wieħed u sebgħin sena li rriżultat fil-pożittiv fl-aħħar sigħat hija s-sieħba ta’ anzjan li ħareġ pożittiv għall-Coronavirus fl-aħħar jiem.
Każ ieħor huwa ta’ mara ta’ sitta u tletin sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa u li aktarx kellha kuntatt ma’ ħaddiem fis-settur tas-saħħa li rriżulta fil-pożittiv il-ġimgħa l-oħra.
Raġel Spanjol ta’ erbgħa u ħamsin sena li jaħdem Malta u li kien Madrid bejn is-sebgħa u s-sbatax ta’ Marzu, irriżulta fil-pożittiv għall-coronavirus. In-nies li setgħu ġew esposti kienu l-passiġġieri fuq l-istess titjira, u qed isir eżerċizzju ta’ assessjar man-nies li kienu fuq l-ajruplan miegħu.
Każ ieħor huwa Indjan ta’ wieħed u tletin sena li jgħix u jaħdem Malta. Huwa każ relatat ma’ persuni oħra li diġà kienu kkonfermati pożittivi fl-aħħar jiem u aktarx kien hemm trażmissjoni fuq il-post tax-xogħol.
L-aħħar każ minn dawn il-ħdax hija mara ta’ tletin sena li tiġi omm it-tifel ta’ tliet snin li rriżulta pożittiv għall-COVID-19 fl-aħħar jiem.
Il-Professur Gauci qalet li dawk kollha li jinsabu rikoverati l-isptar jinsabu fi stat tajjeb ta’ saħħa.
Hija qalet: “Inti tagħmel ir-recovery uffiċjalment meta jkollok two consecutive swabs li huma negattivi 24 hours apart. Però jkun hemm nies fejn il-virus ikun dominanti ħafna u jibqa’ ġol-persuna nnifsu. Mhux bilfors ikun qed jagħmillu l-ħsara però l-fatt huwa li dak il-persuna jibqa’ infettiv allura nibqgħu nżommuh kwarantina sakemm naraw li dal-persuna m’għadux infettiv.”
Il-Professur Gauci appellat biex issa, aktar minn qatt qabel, ma jsirx ħruġ bla bżonn, b’mod partikolari l-anzjani.
Hija saħqet: “Irridu nifhmu li r-responsabbiltà hija ta’ kull individwu li ma mmorrux f’postijiet fejn ħa nkunu ħafna ma’ xulxin għaliex issa nafu li għandna trażmissjoni lokali. Tkun qed tpoġġi lilek innifsek f’riskju, tkun qed tpoġġi lil persuni oħra tal-familja tiegħek f’riskju u tkun qiegħed tpoġġi lin-nazzjon kollu f’riskju għax tkun dak il-persuni li tkun qiegħed tagħmel trażmissjoni għall-oħra.”