Ġuvni Franċiż allegatament ħażżeż mal-ħitan ta’ kamra tal-banju f’post ta’ akkomodazzjoni f’San Ġiljan wara li allegatament ma riedx iħallas talli kien qed joqgħod hemm.
Dan qed jiġi allegat fuq il-midja soċjali wara li l-maniġer tal-istess akkomodazzjoni ħassu fid-dover li jwissi lill-persuni oħra dwaru u dwar l-imġieba ta’ dan il-ġuvni.
L-istess persuna spjega kif meta ġie biex iħallas il-kera qalilhom li kien għadu kif tilef il-kard tal-bank, iżda peress li din ma kinitx l-ewwel darba li kellu xi problemi biex iħallashom, qalulu biex jevakwa l-kamra li kien fiha.
Kien proprju wara li telaq li impjegati tal-hostel raw dak li ħalla warajh il-Franċiż. Hu qed iwissi lill-proprjetarji oħra, li dan l-individqu bħalissa qed ifittex post fiż-żoni ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Belt Valletta jew Marsaskala.
Sostna li se jkun qed iħalli rapport mal-Għassa dwar dan il-każ. Intant il-Pulizija kkonfermaw ma’ ONE News li s’issa ma daħal ebda rapport.