Bħal-lum għaxar snin ilu, kien sar ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa fejn il-maġġoranza tal-poplu kienet ivvotat favur li jibqa’ jiġi pprattikat dan id-delizzju.
B’kollox kienu vvotaw 253,157 persuna, b’50.4% qalu ‘Iva’ favur il-kaċċaturi Maltin u Għawdxin. Ir-referendum kien sar wara li 11-il għaqda mhux governattiva u l-Alternattiva Demokratika ngħaqdu f’koalizzjoni u ġabru petizzjoni favur referendum abrogattiv li jsejjaħ għat-tmiem tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Minkejja r-riżultat, għaqdiet, bħall-Birdlife, qatt m’aċċettaw ir-riżultat u komplew jinsistu li għandu jsir referendum ieħor.
F’għeluq l-għaxar anniversarju, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, ħabbret li se tkun qed tħejji pubblikazzjoni, li tiġbor ir-rakkonti relatati ma’ dan u li jmorru lura sas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, intitolata “Is-Saga tat-Tradizzjoni tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa: 2003 – 2025”.
Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll dokumenti relattivi, anke storiċi, minbarra diversi xogħlijiet relattivi li għamlet l-FKNK tul dawn is-snin.