Mal-wasla tagħhom fir-Renju Unit, il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella żaru l-proġett tal-Fondazzjoni Puttinu Cares, f’Londra.
Din il-proprjetà, għaxar minuti mixi ’l bogħod mill-isptarijiet fiċ-ċentru ta’ Londra, se tkun mgħammra b’aktar minn għoxrin appartament għall-pazjenti u l-qraba li jitilgħu għall-kura fl-isptarijiet ta’ Londra, b’mod partikolari fi Great Ormond Street Hospital, Moorfields Eye Hospital, in-National Hospital for Neurology and Neurosurgery u oħrajn. L-iżviluppaturi spjegaw lill-President u lis-Sinjura Vella li l-Fondazzjoni Puttinu Cares applikat għal sular ieħor bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ appartamenti għall-Maltin u l-Għawdxin li jitilgħu għall-kura f’Londra.
Il-President George Vella stqarr li jinsab impressjonat bil-post fejn tinsab il-binja, bid-daqs u bil-potenzjal ta’ dan il-proġett.
“Din se tkun ideali, ċentrali ħalli l-pazjenti ma jkollhomx jivvjaġġaw fit-tul biex imorru Sutton, imma fi ftit minuti jaslu fl-isptarijiet hawnhekk. Jiena sodisfatt immens li tara li l-flus li nġabru fiex ġew investiti. Hawnhekk għandek xi ħaġa li tiswa mitqlu deheb u li żgur li għada pitgħada tiswa iktar”, qal il-President.
Huwa radd ħajr lill-President tal-Fondazzjoni, Angele Cuschieri, u lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Rennie Zerafa, għall-ħidma tagħhom fuq dan il-proġett.
Matul din iż-żjara, il-President u s-Sinjura Vella kienu akkumpanjati mill-Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit, Emmanuel Mallia.
Din il-proprjetà ssemmiet għal Dr Victor Calvagna, wieħed mill-fundaturi tal-Fondazzjoni Puttinu Cares.