Fl-attività politika tal-Ħadd fil-Fgura, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard sostniet li l-Partit Laburista se jibqa’ jkun it-tarka tan-nisa.
Dr Attard qalet dan fi sfond ta’ diskussjoni dwar emendi fil-kodiċi kriminali biex jiġu protetti l-professjonijisti mediċi u l-ommijiet f’każijiet ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala li jistgħu jpoġġulhom ħajjithom u saħħithom f’periklu. Diskussjoni li kompliet toħroġ ċara d-differenza fil-politika taż-żewġ partiti politiċi l-kbar f’pajjiżna..
Fil-fatt, il-President tal-Partit Laburista sostniet kif filwaqt li l-Partit Laburisti jibqa’ dejjem fuq quddiem favur ir-riformi u d-drittijiet tal-minoranzi il-Partit Nazzjonalista qed isib sab ruħu kontinwament jopponi riforma wara oħra.
Fid-diskors tagħha, Dr Ramona Attard irrakkontat diversi stejjer ta’ nisa li tilfu t-trabi tagħhom minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala tagħhom.
Fost oħrajn, hi ħarset lura wkoll lejn il-passat tagħha stess.
Dr Attard qalet, “Jaf kemm tħossok imkissra meta titlef tqala? Jaf x’iġifieri, tkun għadek kemm tlift tqala, ġismek ikun għadu qed jipproduċi ħalib għas-suppost ħajja ġdida iżda taf li dik il-ħajja qatt mhu se tkun? Jaf x’iġifieri, kemm tħossok tmut minn ġewwa tkun tlift tqala, għadek tidher b’żaqqek, isaqsuk għal meta, u inti tkun taf għal qatt? Taf x’iġifieri meta hawn nies bħali li kellhom iwelldu fetu mejjet xi trawma tgħaddi, jekk qattx tirkupra psikoloġikament minn dik it-trawma? Jien nistenna li l-politiċi jaraw kif se jgħinu lin-nisa li għaddew minn din it-trawma u mela jiżżebilhu bihom.”
Il-President tal-Partit Laburista, sostniet ukoll kif ħafna nisa li tkellmu magħha talbuha sabiex temfasizza l-fatt li t-tqala mhux vijabbli tagħhom involviet dejjem tarbija tant mixtieqa.
Għalihom, Dr Attard kellha messaġġ wieħed: “Lin-nisa: kellimtuna u smajnikom. Ħafna minnkom mhux se turu wiċċkom, tbatu fis-silenzju ta’ djarkom peró jien naf li tħossukom imkissrin f’dan id-dibattitu li qed juri Oppożizzjoni insensittiva. Iżda aħna nifhmukom u se nkunu t-tarka tagħkom. Aħna qegħdin hemm għalikom.”
Dr Attard irrimarkat ukoll li f’sitwazzjonijiet ta’ tqala b’kumplikazzjonijiet mediċi, l-omm għandha kull dritt li tirrifjuta.
Il-President tal-Partit qalet, “Qisu għal ċertu fazzjonijiet ta’ dan il-pajjiż jista’ jsir intervent fuq mara tqila jekk tkun se tmut iżda jekk tkun se jkollha problemi ta’ saħħa gravi, hemmhekk jgħidulna ħudu paċenzja, ħa ngħalqu għajnejna ma nistgħu nagħmlu xejn. Dawn huma sitwazzjonijiet li ġraw u jistgħu jiġru nkluż fuq nisa li huma diġà ommijiet u kellhom żewġt itfal jistennewhom id-dar. Jien ngħid li dawn id-deċiżjonijiet m’għandu jeħodhom ħadd ħlief il-professjonist. Fi kwalunkwe każ l-omm għandha kull dritt li tirrifjuta l-parir tal-professjonist.”
Attard temmet tgħid li n-nisa f’pajjiżna ta’ liema kulur politiku huma, għandhom magħhom mistrieħ bi Gvern sensittiv għat-tbatijiet tagħhom.