Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem appellaw għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri fejn jidħol l-impjieg u l-applikazzjonijiet ta’ residenza għall-ħaddiema barranin, speċjalment dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi.
Fi stqarrija qalu li t-tkabbir ekonomiku bla preċedent ta’ Malta wassal għal żieda daqstant bla preċedent ta’ ħaddiema barranin li jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol, mingħajr ma jaffettwaw l-impjiegi tal-Maltin. Innotaw li l-aħħar statistiċi juru li Malta għandha inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.
Iż-żewġ entitajiet ħeġġew lill-Gvern jimplimenta bidla fil-mod kif isiru applikazzjonijiet għall-permessi tax-xogħol u r-residenza.
Wissew li sakemm il-proċeduri tal-permessi ma jkunux ristrutturati biex jirrappreżentaw il-bżonnijiet, id-domanda għal dawn il-ħaddiema tibqa’ tegħleb il-provvista.
Għaldaqstant talbu li:
1. Jonqos il-ħin medju ta’ ipproċessar ta’ permessi, għal medja ta’ erba’ ġimgħat
2. Ikun stabbilit one stop shop għall-ħidma ta’ ipproċessar u l-għoti ta’ permessi ta’ residenza
3. Jitneħħa x-xogħol doppju fejn tidħol l-estensjoni tal-viża
4. Ikun issimplifikat l-analiżi tas-suq tax-xogħol biex ikunu impjegati ħaddiema barranin
5. Jonqos il-piż amministrattiv fuq dawk li jħaddmu u l-impjegati