Bħala parti mit-tiġdid statutorju, li għaddej fil-Partit Laburista, għada s-Sibt se jsiru l-elezzjonijiet għall-ħatriet f’diversi karigi fi ħdan is-Sezzjoni Kunsillieri.
Għall-kariga ta’ President u Viċi President, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista rċeviet nomina waħda għal kull kariga rispettiva. Għaldaqstant, Mario Fava, għal darb’oħra, se jerġa’ jkun ikkonfermat fil-kariga ta’ President tas-Sezzjoni Kunsillieri, filwaqt li Ryan Ellul se jiġi kkonfermat bħala Viċi President.
Għall-kariga ta’ Segretarju, daħlu żewġ nomini: Carlo Mifsud u Sandro Azzopardi.
Għal Segretarju Internazzjonali tas-Sezzjoni Kunsillieri daħlu żewġ nomini: Carlo Mifsud u Fiona Borg Lewis.
Għall-karigi għall-Eżekuttiv tas-Sezzjoni Kunsillieri hemm sitt nomini: Daniel Ablett, David Caruana, Dominic Spencer, Elke Cassar Sghendo, Michael Mifsud u Neville Chetcuti.
Għall-kariga ta’ rappreżentanti tas-Sezzjoni Kunsillieri fl-Eżekuttiv Nazzjonali daħlu erba’ nomini: Christian Attard, David Caruana, Dominic Spencer u Neville Chetcuti.
Għall-kariga ta’ delegati tal-Konferenza Ġenerali daħlu sitt nomini: Carlo Mifsud, Daniel Ablett, Elke Cassar Sghendo, Michael Mifsud, Ryan Ellul u Sarah Borg.
L-elezzjoni se tkun qed issir bejn id-9:00 ta’ filgħodu u nofsinhar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun, u bejn id-9:00 u l-11:00 ta’ filgħodu fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat, Għawdex. L-għadd tal-voti jsir immedjatament wara fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Għal din l-elezzjoni huma eliġibbli li jivvotaw il-membri kollha tas-Sezzjoni Kunsillieri, jiġifieri l-kunsillieri kollha eletti f’isem il-Partit Laburista u l-Presidenti tar-Reġjuni tal-Partit Laburista.