Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jħabbar il-ħatra tas-Sur David Matrenza fil-pożizzjoni ta’ Chairman ta’ Projects Malta u Projects Plus u s-Sa Marisa Marmarà bħala Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta, b’effett immedjat, filwaqt li l-Inġ James Camenzuli se jżomm postu bħala Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus.
Is-Sur David Matrenza ħadem f’diversi rwoli ta’ senior management f’Malta qabel ħa rwol usa’ barra minn pajjiżna ma’ kumpanija tal-IT fi Munich biex imexxi swieq emerġenti. Is-Sur Matrenza għandu esperjenza estensiva internazzjonali u rritorna lura Malta reċentement wara 20 sena fit-tmexxija tal-operat tal-bejgħ fis-settur tal-IT f’diversi partijiet tad-dinja. F’Malta, is-Sur Matrenza kien Chairman u wieħed mill-fundaturi tal-Iskola San Andrea u Chairman tas-Sezzjoni tal-IT fil-Kamra tal-Kummerċ.
Is-Sa Marisa Marmarà kienet taħdem fis-settur privat fejn kella pożizzjonijiet ta’ senior management f’numru ta’ organizzazzjonijiet. Mill-2017 ‘l hawn, kienet qed tokkupa l-irwol ta’ kelliema għal kvern u koordinatur tal-komunikazzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
L-Inġ James Camenzuli fi snin passati okkupa l-pożizzjoni ta’ Chairman tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, filwaqt li mill-2017 ‘l hawn kien Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta u Projects Plus.