F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, inħatru numru ta’ fizzjali fil-karigi ta’ Deputat Kummissarju, Assistenti Kummissarji u Supretendenti tal-Pulizija.
Flimkien mas-Sur Kenneth Haber, li nħatar bħala Deputat Kummissarju, inħatru tmien Assistenti Kummissarji u erbatax-il Supretendent.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, talab lil dawk maħtura fl-ogħla karigi fil-ġerarkija tal-istrutturi tal-Korp, biex ikunu parti integrali mill-bidla kontinwa li għaddejja fil-Korp biex tingħata l-aqwà sigurtà u protezzjoni lis-soċjetà, u jkunu ta’ spalla għall-vittmi.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, innota kif l-uffiċjali l-oħra għandhom iħarsu lejhom għal gwida u jaġixxu fuq l-eżempji tagħhom, għaldaqstant ħeġġiġhom biex ikunu xempji tal-aħjar eżempju possibbli, ta’ korrettezza u impenn.
Tul iċ-ċerimonja, il-Kummissarju sellem ukoll il-memorja tas-Supretendent Jesmond Borg, li miet ħames xhur ilu.