Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ħatar grupp ta’ professjonisti li se jifformaw parti mil-lista ta’ medjaturi li jkunu maħtura mill-Qorti abbażi ta’ roster biex jagħmluha ta’ medjaturi fi kwistjonijiet tal-familja.
Il-Ministru enfasizza l-importanza tal-medjazzjoni bħala komponent ċentrali tas-sistema tal-ġustizzja, intiża li tiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u tippromwovi soluzzjonijiet li jagħtu prijorità lill-benesseri tal-familji, speċjalment tat-tfal.
F’dan il-kuntest saret refererenza għall-aħħar statistika ta’ medjazzjonijiet, fejn fl-2024 ingħalqu elf, seba’ mija u tmien (1,708) każ u nfetħu elf, tmien mija u wieħed u tletin (1,831) każ ta’ medjazzjoni.
Il-ħatra ta’ dan il-panel ta’ medjaturi jixhed rikonoxximent ta’ rwol kruċjali li għandhom il-medjaturi fil-ħidma li għaddejja lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva.
Il-Ministru esprima wkoll gratitudni lejn dawk il-medjaturi li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika riċenti dwar il-Qorti tal-Familja.
Huwa fakkar li bħalissa għaddejja ħidma preparatorja fuq is-sottomissjonijiet li daħlu, biex fiż-żmien li ġej mill-konsultazzjoni ssir l-implimentazzjoni, b’tibdil leġiżlattiv u kif ukoll l-investiment neċessarju lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva.
Huwa appella lill-professjonisti kollha fil-qasam tal-liġi tal-familja, inkluż avukati, ħaddiema soċjali u esperti oħra, biex ikomplu jippromwovu l-medjazzjoni bħala l-aħjar mezz biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti tal-familja.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Dr Vanessa Grech.