Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Borża ta’ Malta (MSE) Joseph Portelli ġie maħtur Chairman tal-Kumitat ta’ Gvernanza u Nominazzjonijiet Federazzjoni Dinjija tal-Iskambju (WFE).
Fi stqarrija, l-Borża ta’ Malta qalet li din il-ħatra hija waħda prestiġjuża għal pajjiżna, aktar u aktar fil-kuntest tas-suq attwali tas-servizzi finanzjarji, li fih Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala eżempju fix-xena dinjija.
“Din in-nomina turi li minkejja d-daqs tagħha, Malta hija ċentru ta’ servizzi finanzjarji ta’ fama u b’saħħitha, b’borża vibranti fil-qalba tagħha,” qal Joseph Portelli.
Huwa ilu jservi bħala Chairman Eżekuttiv tal-MSE mill-2015 u għandu aktar minn 38 sena esperjenza fi ħdan l-industrija finanzjarja, kemm fl-Istati Uniti u kif ukoll f’Malta.
Il-Federazzjoni Dinjija tal-Iskambji twaqqfet fl-1961 u hija bbażata f’Londra, l-Ingilterra. Għandha aktar minn 70 membru inkluż il-Borża ta’ Malta.