Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ġie elett bħala Chairman tal-Alleanza Ewropea Brain, Mind and Pain.
Din l-Alleanza tiġbor fi ħdana 31 Assoċjazzjoni Ewropea illi jaħdmu favur id-drittijiet ta’ pazjenti illi jbatu minn uġigħ kroniku, kif ukoll il-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet Newroloġiċi (EFNA) illi tirrappreżenta fost oħrajn lill-professjonisti u lill-pazjenti li għandhom kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa tal-moħħ.
Fi stqarrija Dr Agius Saliba qal illi jinsab onorat illi ġie fdat b’responsabbiltà tant importanti fuq bażi Ewropea sabiex ikompli jkun vuċi favur pazjenti illi jbatu minn diversi kundizzjonijiet li ħafna drabi jkunu moħbija, bħall-ADHD, l-Epilessija, il-Migranja, il-Myalgic Encephalomyelitis (ME), il-Parkinsons Disease u l-Huntingston Disease fost oħrajn.
Huwa saħaq li din l-Alleanza fuq bażi Ewropea tirrapreżenta 220 miljun persuna illi jbatu minn disturbanzi newroloġiċi u 150 miljun oħra illi jbatu minn uġigħ kroniku.
L-Ewroparlamentari Laburista Agius Saliba sostna illi għalkemm illum jeżistu numru ta’ trattamenti għal dawn il-kundizzjonijiet fuq bażi Ewropea, tmienja minn kull għaxar persuni illi jbatu minn diżordni newroloġika ma jingħataw l-ebda trattament għall-kundizzjoni tagħhom.
Huwa saħaq illi minbarra li dawn il-kundizzjonijiet qed inaqqru l-kwalità tal-ħajja tal-persuna, dawn ukoll qed iħallu impatt ekonomiku dirett fuq l-ekonomiji tagħna hekk kif skont l-aħħar statistika huwa stmat illi l-impatt ekonomiku fuq bażi Ewropea minħabba diżordnijiet newroloġiċi kien ilaħħaq it-€800 biljun kull sena, jiġifieri madwar 6% tal-Prodott Gross Domestiku Ewropew.
Kien spjegat ukoll illi l-prijoritajiet ta’ din l-Alleanza huma dawk illi jiġġieldu l-istigma illi għadha teżisti b’rabta ma’ dawn il-kundizzjonijiet kif ukoll billi ssir ħidma favur aċċess adegwat għal trattamenti, support u riċerka f’kull Stat Membru.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba temm jgħid li fuq livell Ewropew hemm bżonn ta’ aktar sinerġija fejn tidħol il-politika tas-saħħa sabiex ikun hemm apprezzament akbar tad-diffikultajiet li jgħaddu minnhom il-pazjenti, u biex fl-aħħar mill-aħħar, ikunu jistgħu jinstabu soluzzjonijiet aqwa biex jiġu miġġielda dawn id-diffikultajiet b’mod aktar effettiv.