George-Oliver Schembri ta’ ħamsa u ħamsin sena minn Birżebbuġa u Donald Camilleri ta’ tnejn u erbgħin sena minn Ħal Tarxien ġew ikkundanttati ħames snin u nofs ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ mija u erbgħin elf bejniethom wara li wieġbu ħatja li seba’ snin ilu ffrodaw lil Transport Malta, dak iż-żmien l-awtorita tat-trasport aktar minn nofs miljun ewro li raddew lura lill-awtorita fl-aħħar ta’ Awwissu li għadda. Huma nstabu ħatja wkoll li xaħħmu lill-Perit Gordon Zammit li kien impjegat mal-Awtorità.
Il-każ imur lura għal bejn Jannar tal-2010 u Dicembru tal-2011.
Fil-Qorti ħareġ li s-Sur Schembri, direttur fil-kumpanija Alfred Schembri & Sons u s-Sur Camilleri, l-iskrivan tal-kumpanija tal-bini tat-toroq kienu ħaddmu skema ta’ frodi ta’ aktar minn nofs miljun ewro bil-komplicita tal-perit fl-awtorita tat-trasport. L-ex Spettur tal-Pulizija Angelo Gafa u Fabian Fleri kienu żvelaw fil-qorti kif fost l-oħrajn, triq f’Ħaż-Żabbar li għaliha l-kumpanija Alfred Schembri & Sons għamlet stima ta’ ħamsin elf ewro, spiċċat daħlet tagħha aktar mid-doppju, bid-differenza tmur fl-but tal-perit u l-kumpanija.
Fl-invesitgazzjoni tal-pulizija rriżulta wkoll li f’erba’ u għoxrin stima li ħarġu mill-kumpaniji tal-bini tat-toroq kien hemm diskrepanza ta’ aktar minn nofs miljun ewro. Iż-żewġt irġiel kienu ammettew mal-pulizija li l-Perit Zammit kien ħajjarhom biex jidħlu f’din l-iskema ta’ frodi billi wara li jinħarġu l-istemi, bil-perit izid l-ispejjeż tax-xogħlijiet tat-toroq u d-differenza tinqasam bejnu l-kumpanija. Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara li fl-2011, l-Ispettur Fabian Fleri rcieva informazzjoni b’mod kunfidenzjali.
Fil-Qorti ngħad ukoll li ħafna mit-toroq involuti kienu saru f’Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn. Fid-deciżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-korruzzjoni f’kull aspett tal-attivitza’ umana mhux biss hija mezz pulit biex wieħed jisraq, imma tista’ tkun ukoll arma omicidjali għax l-inġustizzja tista’ tkun tant gravi li hemm min jibqa’ taħtha. Qal li meta xi ħadd jikseb bid-dnewwa xi ħaġa li mhix tiegħu, ifisser li jkun qed jaħtafha minn idejn ħaddieħor li tkun tmissu bi dritt.
Sostna li min bla kuxjenza jinżel fil-ħama tal-korruzzjoni, mhux biss ikun qed jistagħna inġustrament, imma jkun rikeb fuq dahar ħaddieħor. Sostna li hija ħasra li llum ftit għandna nisimgħu li min jisraq għandu dmir li jrodd dak li jkun seraq. Fid-deciżjoni tagħha, il-Qorit barra l-piena li imponiet fuq l-akkużati, qieset ukoll li d-dannu li ġarrbet l-Awtorita tat-Trasport tħallas lura f’Awwissu li għadda. Il-qorti ordnat ukoll li l-imputati jħallsu s-somma ta’ aktar minn ħamest elef ewro fi spejjez tal-qorti u ordnat ukoll l-interdizzjoni ġenerali b’mod permanenti.