Joelle Galea ta’ 35 sena minn Tas-Sliema ġiet kkundannata 16-il xahar priġunerija sospiżi għal 3 snin u nofs wara li nstabet ħatja ta’ kompliċità f’telefonata anonima lill-Pulizija kif ukoll li kisret l-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti f’każ separat ieħor.
Il-każ seħħ nhar it-8 ta’ Mejju 2018, meta l-Pulizija kienet rċeviet rapport ta’ theddida ta’ bomba fuq vapur tal-Gozo Channel. Dakinhar is-servizz tal-Gozo Channel kien ġie sospiż għal madwar tliet sigħat u nofs sakemm saru l-verifiki meħtiega fejn rriżulta li r-rapport kien falz.
Fuq dan l-istess każ kien tressaq l-Qorti Ronald Mallia ta’ 32 mill-Mosta fejn kien ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih u ntbagħat 10 xhur ħabs.
Il-Prosekuzzjoni f’dawn il-każijiet kienet tmexxiet mis-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit mill-Iskwadra ta’ Kontra Terroriżmu.