Jurgen Quku, Albaniż ta’ 23 sena, ammetta li vjaġġa b’passaport misruq, mixtri minn fuq TikTok, hekk kif inqabad fi triqtu lejn Dublin.
Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ikkundannatu għal sitt xhur priġunerija, għaliex ikkolabora mal-Pulizija.
Dan filwaqt li ordnat id-deportazzjoni tiegħu, ladarba jtemm il-perjodu ta’ priġunerija.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif iż-żagħżugħ ġie arrestat it-Tlieta filgħodu, ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, meta uffiċjali tal-immigrazzjoni innutaw li dan kien qed juża’ passaport ta’ raġel ieħor.
L-akkużat spjega fil-Qorti, kif kellu jivjaġġa mill-Albania għall-Greċja bil-mixi, minħabba projbizzjoni fuq l-ivjaġġar. Hu qal kif wara ġimgħa l-Greċja, huwa xtara passaport Ġermaniż, misruq minn fuq Tiktok u uża dan il-passaport biex jivjaġġa lejn Malta.
Il-Maġistrat qal li abbużi ta’ dan it-tip ipoġġu theddida fuq is-sigurtà lokali u Ewropea.