Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Wayne Mallia, ta’ 34 sena mis-Swatar, kien mixli li, jumejn ilu, wettaq vjolenza billi hedded lill-eks tfajla tiegħu li kien se jkissrilha l-appartament li kienu jgħixu fih.
Fix-xhieda tagħha, l-Ispettur Audrey Micallef sostniet li fost it-theddid, l-akkużat hedded lill-vittma li jħanxrilha għonqha u joqtolha filwaqt li qalilha wkoll li kien se jagħmlilha kif għamlu lil Bernice Cassar.
Mallia, li għandu l-vizzju tax-xorb, wieġeb li hu ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Wara li l-Qorti kkunsidrat il-koperazzjoni sħiħa mal-pulizija u l-fedina penali tal-akkużat, il-Maġistrat sabitu ħati u ordnat li jkun segwit minn uffiċjal tal-probation għal sentejn u nofs. Barra dan, inħarġet ordni ta’ trażżin ta’ sentejn u nofs fuq il-vittma. Il-Magistrat tat twissija lill-akkużat li, jekk jikser il-probation u l-ordni tat-trażżin, jispiċċa jservi sentenza l-ħabs.