Ingħatat sentenza ta’ għomor ħabs lil raġel Amerikan minn Atlanta, bl-isem ta’ Justin Ross Harris, wara li nstab ħati li b’mod intenzjonat ħalla lill-ibnu ta’ 22 xahar imut f’karozza sħuna taħt xemx tiżreġ. Iċ-ċkejken Cooper miet f’Ġunju 2014 wara li missieru ħallieh hemm u mar għax-xogħol.
L-avukati ta’ Harris argumentaw li dan kien inċident traġiku li ġara minħabba problema fil-memorja tal-missier. Iżda l-ġurati kollha sabu lill-missier ħati. Cooper kien marbut ma’ car seat, u flimkien ma missieru ttieħed f’Hyundia Tucson minn Georgia għal post fejn ħadu l-kolazzjon, u wara marru l-post tax-xogħol tal-missier, fejn it-tifel tħalla fil-karozza miflok ittieħed iċ-ċentru ta’ magħtul il-jum.
Instab ukoll li waqt li ibnu kien qed imut, Harris bagħat messaġġi sesswali u kien hemm skambju ta’ ritratti ma sitt nisa, inkluż waħda taħt l-età. Ingħad li kien jgħix ħajja doppja; bejn kien missier u raġel miżżewweġ, u bejn kien iħallas prostutita għas-sess u jipparteċipa f’diversi relazzjonijiet.
Għamel ukoll tfittxijiet dwar ħajja mingħajr tfal u kemm-il darba tkellem dwar il-ħtieġa li jaħrab mill-ħajja attwali tiegħu.
L-eks mara ta’ Harris u omm Cooper qalet li kien missier devot, iżda kellhom problemi ta’ intimità.