Luigi Duca ta’ 69 sena nstab ħati li għamel rapport falz fil-konfront ta’ Dun Anton Grech, saċerdot missjunarju
Duca kien allega li għadda kważi €90,000 lil Dun Anton għall-proġett fil-Gwatemala u li skontu, dawn il-proġetti ta’ bini ta’ djar jew ma sarux jew ma tlestewx.
Kif ħareġ mix-xhieda ħlief ġid m’għamilx ma’ dawk l-ifqar fis-soċjetà fejn iwettaq il-missjoni tiegħu.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistra Joe Mifsud qalet li mix-xhieda li ngħatat u anke permezz ta’ dokumenti u dikjarazzjonijiet ta’ terzi, turi li ma sar l-ebda reat ta’ misappropjazzjoni min-naħa ta’ Dun Anton Grech b’rabta mal-proġetti fil-Gwatemala.
Ingħad li l-imputat kien jaf bid-dettalji kollha dwar il-proġetti u għalhekk kien jaf li ma kien hemm l-ebda rregolarità dwarhom.
Il-qorti qalet li l-allegazzjonijiet tal-imputat setgħu wasslu għal proċeduri kriminali kontra persuna innoċenti u seta’ wkoll kellu riperkussjonijiet serjissimi anke għall-kariga li għandu Dun Anton.
Sostna li f’pajjiżna ma jistax ikun li nibqghu nittolleraw li f’gieħ l-espressjoni ħielsa tal-kelma nfarrku persuni mingħajr dawn ma jkollhom rimedju.
Qal li meta tixxandar allegazzjoni falza fuq persuna toħloq dannu kbir mhux biss lilha imma l-qraba tagħha u dawk li jaħdmu mal-istess persuna.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qieset il-fatt li Dun Anton wera ħniena mal-akkużat, l-età tiegħu u l-ġid li għamel qabel seħħ il-każ, u lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin mil-lum.