Il-Qorti tal-Appell ikkundannat lil Roderick Gerada ta’ 40 sena mill-Marsa sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li sabitu ħati ta’ serqa ta’ flus kontanti u ġojjellerija b’valur ta’ €20,000 minn residenza f’Birkirkara.
Il-każ seħħ f’Ġunju ta’ ħdax-il sena ilu minn dar fi Triq Casolani. Gerada kien ġie arrestat tliet snin wara s-serqa meta l-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Keith Arnaud waslet għal Gerada meta rċeviet informazzjoni minn persuna anonima.
Fil-Qorti kien intqal li l-vittma flimkien ma’ żewġha llum mejjet, kienu sabu l-bieb tal-garaxx sgassat, li kien jinfed mad-dar tagħhom.
Ingħad li meta daħlu f’darhom sabu ħafna taqlib u b’€20,000 ġojjellerija u flus nieqsa. Mill-investigazzjonijiet tal-pulizija nstabet marka ta’ suba’ fuq flixkun tal-fwieħa, bid-difiża targumenta li l-akkużat seta’ mar jixtri dan il-bott u qabdu b’idejh.
Kien għalhekk li l-ewwel qorti lliberat lil Gerada. Madankollu l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza bil-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima ssibu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.