Kuntrattur mill-Imqabba ġie mmultat għaxar t’elef ewro wara li nstab ħati ta’ ksur tar-regolamenti għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol li wassal biex ħaddiem barrani tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol.
Il-każ seħħ f’Marzu ta’ 6 snin ilu fil-Mosta meta l-ħaddiem kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni u waqa’ 4 sulari meta kien qed inaddaf il-konkos żejjed li kien inqabad bejn il-bricks mix-xifer tal-binja li ma kellha l-ebda tip ta’ lqugħ.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia sabet li l-ħaddiem ma kienx liebes ilbies protettiv li permezz tiegħu setgħet tiġi evitata din il-fatalità.
Instab ukoll li l-ħaddiem qatt ma kien ingħata t-taħriġ meħtieġ dwar is-saħħa u s-sigurtà u kien jitħalla jaħdem waħdu.