Il-Pulizija Ingliża qed tappella għall-għajnuna u informazzjoni, wara allegazzjoni li f’belt bl-isem ta’ Redcar, omm sfat attakkata sesswalment minn żewt’irġiel.
Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, żewġt’irġiel kienu ħdejn il-baħar, meta għaddiet l-omm b’tarbija magħha. Allegatament ħatfuha, daħħluha fis-seat ta’ wara tal-istess karozza, u stuprawha fil-preżenza tat-tarbija.
L-irġiel kienu fil-karozza, iżda meta raw lill-mara, ħarġu minnha u sforzawha tidħol. Wara l-istupru, kemm l-omm u kemm it-tarbija twaddbu ‘l barra mill-karozza.
L-irġiel qed ikunu deskritti bħala t-tnejn ta’ karnaġġjon bajda, wieħed minnhom jqarreb it-tletin sena u l-ieħor jidher li għadu bilkemm għalaq l-għoxrin. Wieħed minnhom għandu l-kelma ‘love’ miktuba b’tattoo fuq is-swaba.
Il-Pulizija ta’ Cleveland qalet li l-mara u t-tarbija għaddew minn trawma enormi, u kull għajnuna għandha tingħata lill-Pulizija.