L-attakk minn esponenti u nies li jkunu fl-attivitajiet tal-għaqda Repubblika ssokta fuq l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Dan b’rabta mal-kawża ta’ libell li fetaħ Delia lil-Lovin Malta, is-sit li fuqu għad għandu kontroll enormi, bil-maġġoranza tal-ishma f’idejh, l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin.
Ħaten Beppe Fenech Adami u li fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien kandidat Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil, ħareġ anki jitkellem fuq André Grech, li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista għax qal li ma jiflaħx joqgħod f’partit fejn tirrenja l-mibegħda.
Fuq l-Independent, Kevin Cassar, li mhux l-ewwel darba kiteb kontra Adrian Delia fi żmien meta Bernard Grech ħadlu postu bħala Kap, kiteb li André Grech jippretendi li d-Deputati jiġu kkontrollati.
Hawn Cassar iddefenda lil Therese Comodini Cachia, li għal dak li għamel Delia fil-Qorti lil-Lovin Malta, sejħitlu bħala surreali u ‘poor taste’.
Il-Lovin Malta rrappurtat li Delia kien f’kuntatt dirett ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Delia ċaħad dan.
Cassar għamel bħal Comodini Cachia u rrimarka fuq l-aġir ta’ Delia fil-konfront tal-Lovin Malta.
Fil-fatt sejjaħ l-eżami li għamel Delia lill-editur tal-Lovin Malta, li għalih qed jidher Andrew Borg Cardona, il-‘Boċċa’, bħala interrogazzjoni ostili.
Kevin Cassar qal li Delia għandu rabtiet mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech u semma li bi kliemu, Delia kien iffastidja lil Caruana Galizia.
Saħaq li dan kollu juri li Delia jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista, biex b’hekk kompla mal-attakk ta’ esponenti ta’ Repubblika u oħrajn fl-establishment Nazzjonalista, li sostnew li Bernard Grech għandu jeħles minn Adrian Delia u lil André Grech qalulu għalaq il-bieb warajk u ara tazzarda tiġi lura.