L-attakk fuq l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia kompla mill-fergħa estremista Nazzjonalista. Din id-darba kien ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, fejn f’kitba ta’ opinjoni fuq l-Independent on Sunday attakka lill-Ispeaker ta’ din l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż minħabba deċiżjonijiet u rulings li ma jaqblux ma’ dak li jridu l-estremisti fil-Partit Nazzjonalista.
Anke jekk Farrugia hu l-aktar wieħed li ilu jokkupa l-pożizzjoni, fil-kitba tiegħu, Cassar qal li post Anġlu Farrugia mhuwiex fil-Parlament.
Cassar, li ma nġabarx meta kkontesta mal-PN l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, saħansitra għajjar lill-Ispeaker bħala “kummidjant”.
Fl-istess kitba, Cassar hedded li se jżomm lil Anġlu Farrugia responsabbli.
Dan l-attakk ta’ ħaten Fenech Adami ġie wara l-attakk faħxi mill-Kap de facto Nazzjonalista Karol Aquilina fil-Parlament fil-konfront tal-Ispeaker.
Fl-aħħar ġimgħat, Aquilina qal lill-Ispeaker li jiddubuta kemm jaħseb u f’okkażjoni oħra qal lil Dr Farrugia, li, jekk ried, ikeċċih mill-Parlament bil-Pulizija.