Ħaten Beppe Fenech Adami u li kien kandidat Nazzjonalista f’elezzjoni ġenerali, Kevin Cassar infexx f’tgħajjir ġdid fil-konfront tal-Laburisti.
Qal li l-Partit Laburista hu appoġġjat mill-inqas nies edukati fil-pajjiż.
F’artiklu li kiteb, Kevin Cassar sostna li mbagħad il-Partit Nazzjonalista jgawdi l-appoġġ minn aktar nies li marru l-Università.
Fl-istess artiklu nfexx jattakka lil dan l-istazzjon u l-kamra tal-aħbarijiet tiegħu.
Kevin Cassar, li mhux l-ewwel darba li kiteb li l-Maltin jivvutaw ħażin, baqa’ qatt ma nġabar meta ħareġ fl-elezzjoni ġenerali.
Huwa fisser dak li juru s-sondaġġi ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela bħala li juru rabta diretta u ċara bejn il-livell edukattiv u l-probabbiltà li tivvota lill-Partit Laburista.
Skontu, iżjed ma tkun edukat, inqas huwa ċ-ċans li tivvota lill-Partit Laburista.
F’artiklu ieħor fuq is-sit tal-midja tal-Knisja, Kevin Cassar li kien ħareġ mal-PN fi żmien Simon Busuttil, kien spiċċa jgħajjar lil dawk li għandhom fiduċja fil-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela bħala bċieċen.
Dak li ma nġabarx f’elezzjoni ġenerali għax baqa’ l-art kien sostna wkoll li l-Partit Laburista ma rebaħx elezzjoni ġusta.
Cassar, li jikteb bl-istess stil tal-esponenti tal-establishment Nazzjonalista, kien anki kontra l-eks Kap Adrian Delia u favur Bernard Grech, li ddefendih minn mindu sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.