Wara ġimgħa mimlija attakki minn diversi membri tal-establishment Nazzjonalista kontra l-eks Deputat Franco Debono, issa kien imiss lil ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, biex joħroġ jgħajru pubblikament.
Wara attakki insensati wkoll minn Manuel Delia fl-aħħar kiem, ftit kienu l-vuċijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li ħarġu jiddefenduh.
Tant li l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt reġa’ ħassu komdu f’artiklu sussegwenti li jqabbel lil Dr Debono ma’ diversi oġġetti moqżieża. Dan filwaqt li esponenti oħrajn bħal Mark Camilleri u Godfrey Leone Ganado sostnew li hu korrett li Dr Debono jitqabbel ma’ affarijiet aġġettivi disgustanti u dispreġġjattivi, li jidhrilna li lanqas jixirqilhom jiġu ripetuti.
Issa Kevin Cassar, l-eks kandidat Nazzjonalista, li baqa’ ma nġabarx fl-elezzjoni fi żmien Simon Busuttil, ħarbex f’artiklu fis-Sunday Times of Malta biex jgħid li Franco Debono kien u għadu “immature, erratic boor”, jiġifieri ruffjan, immatur u inkonsistenti.
Dan filwaqt li kompla li “we don’t need another coarse redneck with a distorted sense of entitlement and even more distorted sense of self-importance”.
L-ekwivalenti għal redneck bil-Malti hi ħamallu jew bniedem ta’ wara l-muntanji. Dan x’aktarx hu attakk fuq il-fatt li Franco Debono ġej minn lokalità fin-Nofsinhar ta’ Malta u li, skont l-establishment, ma tistax titqies fl-istess livell tagħhom.
Is-soltu diskors klassist, bħal dak ta’ Andrew Borg Cardona li qal li l-illitterati jivvotaw lil-Labour. Retorika li anke l-istess Cassar irrepeta diversi drabi.
B’reazzjoni għal dan, Franco Debono kkummenta fuq il-midja soċjali dwar it-turbolenzi ta’ Kevin Cassar fi ħdan l-istess Partit Nazzjonalista, waqt li fakkar kif il-kirurgu fl-eqqel tal-karriera tiegħu baqa’ ma nġabarx fuq żewġ distretti meta kkontesta l-elezzjoni tal-2017. Bil-maqlub tiegħu li, fl-ewwel elezzjoni li kkontesta fl-1998 waqt li kien għadu student tal-liġi, kien ġab id-doppju tal-voti tal-ewwel preferenza aktar minnu.
Fil-fatt fakkar ukoll lil Cassar, kif bħala kandidat taħt Simon Busuttil, kien dabbar biss 354 vot tal-ewwel preferenza minn fuq żewġ distretti, waqt li hu 19-il sena qabel kien irnexxielu jġib 467 vot tal-ewwel preferenza minn distrett wieħed.
Qallu li, minkejja dik id-disfatta, Kevin Cassar ħaseb li kellu d-dritt jiddetta min ikun il-Kap u spiċċa rriżenja mill-Partit Nazzjonalista, meta ma ntagħżilx min ried hu.
F’messaġġ separat fuq l-artiklu tat-Times, fejn deher l-artiklu ta’ Cassar, Franco Debono wkoll ġibed l-attenzjoni ta’ ħaten Beppe Fenech Adami li wkoll nesa jsemmi l-fatt li Edward Debono, li wkoll jagħmel parti mill-establishment, gideb dwaru u hu kull ma għamel kien li jiddefendi ruħu f’dan ir-rigward.
“Allura l-ġlieda tiegħek għall-verità u l-ġustizzja tfisser li mhux biss OK li tigdeb dwar oħrajn, iżda mbagħad tattakkahom lura meta dawn jiddefendu lilhom infushom. Li hu OK għal Dr Edward Debono li jxerred il-gideb dwari?” qal fit-tweġiba tiegħu l-eks Deputat b’referenza għall-avukat tal-establishment li ġimgħa ilu kien fuq l-istazzjon tar-radju RTK u gideb meta qal li kien qed jagħmel kundizzjoni li jrid ikun fit-tmexxija biex jerġa’ jidħol fil-PN.
Quddiem dan kollu, il-Kap Nazzjonalista qed jibqa’ ċass. Uħud irrimarkaw kif saħansitra wasal biex jippoża f’ritratt mal-kandidata Miriana Calleja Testaferrata de Noto, meta din spiċċat fil-mira tal-istess attakki tal-establishment.
Dan l-istess bħalma ġara f’Awwissu tas-sena li għaddiet meta, waqt li persuna li kienet qed takkumpanjah ġiet attakkata brutalment fid-daħla tal-Każin Nazzjonalista fil-Ħamrun, il-Kap Bernard Grech dabbar rasu malajr.
Flok ikkundanna l-attakk, li rriżulta mill-fatt li ma tħalliex jidħol fil-każin tiegħu stess, Grech spiċċa mar jieħu r-ritratti man-nies fil-marċ ta’ San Gejtanu u tela’ fil-gallarija ta’ każin faċċata biex jippoża għal ritratt għal Facebook.