Ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar kiteb fis-Sunday Times u skontu l-Partit Laburista ma rebaħx elezzjoni ġusta.
F’artiklu li fih kritika lil Franco Debono, lil Clyde Puli u anki lill-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon, l-eks kandidat Nazzjonalista ta’ żmien Simon Busuttil, infexx jikkritika lill-Partit Laburista.
Kevin Cassar, li mhux darba jew tnejn kritika lil Adrian Delia u lin-nies ta’ madwaru, qal li rridu nsaqsu mhux kif il-Partit Nazzjonalista tilef iżda kif rebaħ il-Partit Laburista.
Skontu l-Partit Laburista rebaħ għax għandu l-flus u għalhekk l-elezzjoni ma rebaħhiex b’mod ġust.
Dan id-diskors ta’ Kevin Cassar, li meta ħareġ għall-elezzjoni ġenerali ma nġabarx, huwa simili għal dak li kien qal Simon Busuttil meta fuq ix-xandir kien qal li fl-2017, il-Partit Laburista rebaħ elezzjoni mbagħbsa.
Fl-artiklu Kevin Cassar qal li Clyde Puli b’mod konvenjenti rtira l-kandidatura tiegħu fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali u kritika lil Franco Debono għax beda jipprova janalizza raġunijiet għala l-Partit Nazzjonalista kiseb l-akbar telfa elettorali sa mill-1955 lil hawn.
Kevin Cassar ta’ sikwit kien jikteb u jinfexx anki f’tgħajjir lejn l-elettorat Malti wara li kien joħroġ xi stħarriġ tal-opinjoni pubblika.
Sa inqas minn sena ilu kien qal li l-Maltin huma bċieċen għaliex il-Partit Laburista kien igawdi l-fiduċja.
Skontu, iżjed ma tkun edukat inqas huwa ċ-ċans li tivvota lill-Partit Laburista.