Studju riċenti li sar minn SOS Malta juri li persuna minn kull tlieta hawn Malta tispiċċa vittma ta’ hate speech fuq social media.
Kien għalhekk li dalgħodu l-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar linji ħomor, f’konferenza organizzata bħala parti mill-presidenza Maltija dwar hate speech.
Il-Ministru qal li kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu, imma l-libertà tal-espressjoni ġġorr responsabilitajiet magħha.
Din l-amministrazzjoni wettqet ħidma favur il-libertà tal-espressjoni. Per eżempju, tneħħiet il-piena ta’ priġunerija għal vilifikazzjoni tar-reliġjon fl-espressjoni artistika. Fl-istess waqt issaħħet il-protezzjoni kontra dwak li jisfaw vittmi ta’ hate speech minħabba r-reliġjon li jħaddnu.
“Ilħaqna l-għan tagħna?” staqsa l-Ministru Bonnici, u qal li żgur li le. Infatti l-leġiżlazzjoni biss ma ssolvix il-problema. Hemm bżonn li wieħed jitkellem u jeduka. Kulħadd, spjega Owen Bonnici, għandu responsabiltajiet mhux biss bħala ċittadin ta’ pajjiżu, imma bħala ċittadin ta’ komumita online globali.
Passi fuq livell internazzjonali qed jittieħdu wkoll. Fost oħrajn hemm il-fatt li l-Unjoni Ewropea ħarġet kodiċi għall-imġieba tajba għall-kumpaniji tal-IT, fejn jingħad li għandhom jitneħħew kummenti ta’ mibiegħda, bħal dawk razzisti.
Minkejja deiċiżjonjiet li ttieħdu anke mill-Kunsill Ewropew, rapport imħejji f’Diċembru 2016 jindika li 28% biss tan-notifikazzjonijiet dwar allegat online hate speech tneħħa, u 40% tan-notifiċi ngħataw attenzjoni fi żmien 24 siegħa.
Il-Ministru Bonnici qal li hemm saħansitra min ma jikkonsidrax rwoli importanti fil-politika jew fil-ħajja pubblika minħabba li jkun espost għal din it-tip ta’ mibiegħda. Temm b’appell biex ix-xogħol jibda minn kmieni, u t-tfal ikunu mgħallma dwar il-kunċetti bażiċi ta’ rispett u tolleranza.
Għall-laqgħa attendew nies ta’ profil għoli, bħal rappreżentati mill-Kummisjoni Ewropea. Paul Nemitz huwa responsabbli mid-drittijiet ċivili, u f’diskors li għamel fakkar li l-Unjoni Ewropea nbiet fuq il-valuri tar-rispett u d-dinjità tal-biedem. Bħall-Ministru Bonnici, Nemitz qal li kien hemm politiċi li ma komplewx fid-dinja tal-politika għax ma riedux li l-familji tagħhom jispiċċaw vittmi ta’ attakki. Konferenzi bħal din f’Malta tgħin favur l-edukazzjoni biex inkunu evitati dawn ix-xenarji.