Steve Pisani ta’ 21 sena ħassu ħażin fil-Qorti wara li l-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien tiegħu mill-arrest.
Pisani jinsab akkużat li fera raġel b’mod gravi, wara li imbottah. Ir-raġel, li għandu 56 sena u jgħix Ħ’Attard, kien fil-parkeġġ pubbliku li hemm qrib il-Villa Rumana fir-Rabat, u l-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ billejl.
Allegatament, ir-raġel kien qed jaqbad ma’ grupp ta’ żagħżagħ, li Steve Pisani kien parti minnu. Id-difiża argumentat li r-raġel kien xurban u kien qed jagħti fastidju liż-żgħażagħ, u kien għalhekk li Pisani imbottah, b’konswegwenza li waqa’ mal-art u sofra ġrieħi li wasslu biex jinsab fil-periklu tal-mewt. Ir-raġel għadu sa llum fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptarMater Dei.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, għax l-akkużi jistgħu jinbidlu f’akkużi ta’ omiċidju u għax hemm min għad irid jixhed.
Waqt is-seduta Pisani għamel ħafna mill-ħin jibki b’idejh ma’ wiċċu. Meta l-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iż-żagħżugħ intilef minn sensih tant li kellha tissejjah ambulanza biex jingħata l-kura meħtieġa.