- Jirrakonta Mark Grima, missier li tilef lil ibnu ta’ xahar u nofs
Il-5 ta’ Diċembru tal-2016. Ġurnata li ħalliet timbru f’ħajjet Mark u Cynthia Grima – koppja li saret missier u omm għall-ewwel darba.
Malli fetaħ għajnejh, baby Deyan kien imdawwar bi qlub mimlija mħabba, lesti biex jagħtuh dak kollu li kellu bżonn fil-vjaġġ li bħal tfal oħrajn, kellu jifformalu ħajtu.
Iżda ma kellux ikun.
Ftit tal-jiem ilu, inqas minn xahrejn wara twelidu, Deyan ħalla din id-dinja. Missieru Mark, jirrakkonta x’ħass meta sar jaf id-destin kiefer tal-ewwel wild tiegħu.
“Kif ħadt l-aħbar li t-tifel ma baqalux wisq magħna, għaddejt minn xokk li ma nistax niddeskrivieh. Mument fejn ħassejt ġismi nofsu mejjet u qtugħ ta’ nifs kbir. Minħabba li naf li bħala missier irrid nibqa’ l-blata tal-familja, f’mument minnhom ħarist lejn il-mara u bejni u bejn ruħi għidt “Kif jista’ jkun ninsab agħar minnha f’dal-mument tant diffiċli?” Ftit wara ppruvajt inċaqlaq idi u nieħu n-nifs kif ġejt mitlub li nagħmel mit-tabib, u erġajt ġibt lura dik l-enerġija li kelli bżonn biex nissapportja lill-mara.”
Mark spjega kif fil-ftit ġranet li kellhom ix-xorti jgawdu lil binhom, mhux biss għamlu kollox għalih, iżda għamlu iżjed milli setgħu għall-ġid tiegħu. U fi kliemu, iċ-ċkejken Deyan, “dan jafu sew!” Jgħid kif min-negattiv dejjem pprova joħroġ il-pożittiv.
“Kellna x-xorti naraw lit-tifel jitbissem, ngħannquh magħna, infisduh, indoqqulu diski li kien iħobb jisma’, u nħossu qalbu tħabbat ma’ qalbna sal-aħħar nifs li ħa.”
F’dawk li jiddeskrivi bħala l-iżjed mumenti diffiċli f’ħajtu sa issa, Mark jgħid li huwa f’dawn iż-żminijiet fejn tara l-qalb kbira tal-Maltin.
“Meta tlabt għat-talb mhux biss sibt is-sapport ta’ nies li huma viċin tagħna, imma kkuntattjawni nies li ma nafhomx jew li konna ilna ma nisimgħu mingħandhom snin twal. Uħud minnhom għaddew minn sitwazzjonijiet bħal tagħna jew simili, u għalkemm forsi ftaħnilhom il-ferita, sabu l-kuraġġ li jagħtuna l-kuraġġ huma wkoll biex bħalma mxew ’il quddiem huma, nimxu aħna wkoll.”
Il-missier żagħżugħ jemmen li dil-ġrajja xejn sabiħa għaqqdet lilu u lil martu iżjed bħala koppja, u jgħid li anki jekk ’il quddiem ikollhom iżjed tfal, iċ-ċkejken Deyan mhu se jintesa qatt.
“Nemmnu li issa għandna anġlu jitlob għalina f’kull ħin u mument, biex il-Bambin jippremjana bħalma ppremja lil ħafna nies li għaddew minn esperjenza bħal tagħna għax kif jgħid il-Malti, “Alla jagħlaq bieb u jiftaħ mija!””