‘Li tkun fqir ma jfissirx li ma jkollokx flus, imma li ma jkollokx tama’
Kitba fuq Facebook li laqtitna, akkumpanjata minn ritratt ta’ tfal jilgħabu f’kamp tar-refuġjati l-Ġordan. Kamp fejn jgħixu mat-80,000 ruh, li 60% minnhom huma nisa. Kull tliet sigħat titwieled tarbija.
Ir-ritratt tellgħu Clifton Fenech, fotografu li jaħdem mad-Dipartiment tal-Informazzjoni, u li f’April akkumpanja lil-Prim Ministru u delegazzjoni Maltija fi żjara l-Ġordan u l-Libanu.
Waħda mill-laqgħat li kellu il-Prim Ministru kienet mal-immigranti Serbi li hemm fil-kamp tar-reuġjati f’Zataari, fil-Ġordan.
“Kienet laqgħa li tmisslek qalbek” jgħid Clifton, “meta tara l-istat li qed jgħixu dawn in-nies”.
Il-Ġnus Magħquda, permezz tal-UNICEF, qed jagħmluha ħafna iktar faċli għar-residenti Serbi. Lil Clifton laqtu ħafna l-fatt li lit-tfal qed jagħlmuhom fi struttura ta’ klassijiet u l-edukazzjoni qed tingħata priorita’. Barra minn hekk għamlulhom sistema ta’ ilma ġdida biex mhux dejjem jixtru mill-bowsers u biex ilestu f’każ li jkollhom inqas budget allokat għalihom.
Clifton jgħid li malli waslu fil-kamp, ammont kbir ta’ tfal ġrew għal fuqhom biex jgħanquhom. Fil-klassijiet innota tbissima fuq fomm kulħadd u turija ta’ rispett.
“Anke aħna u sejrin, kollha jxejjru, ħafna minhom, speċjalemt is-subien, isellmulek kif isellmu s-suldati, għax hekk jarawhom jagħmlu”
Clifton jgħid li laqtu l-fatt li għalkemm jgħixu fil-faqar, it-tfal fl-innoċenza tagħhom jidhru ferħanin u maħbuba.
“Ħassejt ferħ u mħabba. Mingħajr ma jafuk u mingħajr qatt ma rawk, jiġu jiġru ħdejk u jkunu jriduk tilgħab magħhom. Tgħallimt li trid tapprezza dak li għandek. Għalkemm dawn kienu fir-refugee camp fil-Ġordan, ma naħsibx li jghixu wisq differenti fis-Serbia”.
Spjegalna li żjarat barra minn Malta mal-Prim Ministru jirrikjedu ħafna xogħol. Il-fotografu tista’ tgħid li ma jieqaf xejn u ħafna drabi lanqas ċans jiekol ma jkollu! Madanakollu Clifton jiżgurana li hija esperjenza mill-isbaħ.
Ħafna mż-żjarat ikunu ta’ ġurnata jew tnejn u l-impenji jkunu skedati waħda wara l-oħra. Meta l-Prim Ministru jkollu laqgħa importanti, bħal meta jiltaqa’ ma’ Prim Ministru ieħor jew President ta’ xi pajjiż, il-midja tkun tista’ tattendi għall-ewwel ħames minuti tal-laqgħa. Sakemm il-laqgħa tkompli għaddejja fil-privat, Clifton jidba’ x-xogħol tal-editing minnufih u jibgħat ir-ritratti li jkun ħa. B’hekk jibdew jinħargu il-press releases u l-poplu jkun aġġornat.
Isiru wkoll laqgħat m’entitajiet, bħal ngħidu aħna business forums. Clifton jgħid li ħafna drabi ma jkollux ċans jibgħat ir-ritratti mill-post fejn ikunu, allura jkollu jeditja fil-karozza waqt li jkunu qed jivjaġġaw minn post għall-ieħor. Ammetta li mhux faċli teditja f’dawk iċ-ċirkostanzi, peress li l-karozzi jkunu għadejjin b’ċertu veloċita’. Jispiċċa jistordi għaliex ikun qed iħares il-ħin kollu l-isfel waqt li qed jeditja u jibgħat!
Il-fotografu jfakkarna li ħafna mill-postijiet qatt ma jkun rahom qabel, allura jkun irid jaħseb malajr – ħaġa li ġġibha bl-esperjenza. Importanti ma titlifx il-mument meta dinjintarji jieħdu b’idejn xulxin, għax ħafna drabi dak ir-ritratt jgħid kollox. Allura trid toqgħod attent u tħejji t-teknikalitajiet kollha minn qabel, għaliex huwa mument li jista’ jintilef f’sekonda. Dan filwaqt li jiżgura li r-ritratti jkunu kreattivi u mhux statiċi.
Ir-ritratti ta’ Clifton jitkellmu waħedhom.