Tifla ta’ ħames snin bl-isem ta’ Brooke Blair qiegħda ddur fuq l-internet permezz ta’ filmat li fih tidher tirrabja mhux ħażin mal-Prim Ministru Ingliż Theresa May.
Fil-filmat, li rawh l-eluf fuq YouTube, Brooke tindirizza lil May direttament. “Jisimni Brooke Blair, għandi ħames snin u għandi xi ħaġa xi ngħidlek” tibda l-indirizz tagħha, filwaqt li tgħidilha li għandha tieħu ħsieb l-ammont ta’ persuni foqra li tiltaqa’ magħhom.
Fost il-kummenti dwar il-filmat, hemm min jemmen li t-tifla tista’ tkun qiegħda tintuża għal skopijiet politiċi – ħaġa li ommha Holly Matthews tinsisti li mhux minnu. Qalet iżda li bintha timpressjona ħafna ruħha meta tara persuni mingħajr saqaf fuq rashom.