“Kont qed nistenna li se naħdem f’lukanda, iżda spiċċajt naħdem f’burdell.” Dan intqal minn waħda mill-vittmi li xehdet fil-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ disa’ persuni akkużati li ġabu nisa barranin f’pajjiżna biex jipprostitwixxu rwieħhom.
Ix-xhud qalet li ommha kienet qed tkun intimidata fil-Kolumbja minn fejn toriġina.
Fuq il-pedana tax-xhieda, waħda mit-tfajliet identifikat lil tnejn mill-akkużati, Clint Damato bħala “Andreas” u Luke Farrugia bħala “Tyson”, b’dan tal-aħħar li wkoll kien wieħed mill-klijenti tagħha.
Skont ix-xhieda, hi kienet ukoll preżenti fl-appartament meta Farrugia ħallas lil tfajla oħra Kolumbjana għas-sess.
Ingħad fil-Qorti li waħda mill-vittmi qalet lill-inkjesta maġisterjali, li ommha kienet irċeviet telefonati b’theddid fejn allegatament ġiet ordnata tgħid lil bintha biex ma tkellimx lill-Pulizija u biex ma ssemmi lil ħadd minn dawk li qed iħaddmuha bħala prostituta.
Fil-Qorti, it-tfajla wkoll qalet li għand ommha fil-Kolumbja wkoll marret tfajla, li kellha kuntatt mal-Maltin, u qaltilha li xejn mhu se jiġri lil bintha u li se tieħu l-flus lura, iżda hu importanti li ħadd ma jitkellem mal-Pulizija.
Intqal li hi qatt ma tħallset ta’ xogħlha, waqt li wkoll kienet tiġi mgħajra mill-Maltin.
Il-każ ikompli.