L-eks producer tal-films ta’ Hollywood Harvey Weinstein instab ħati li stupra mara oħra. Dan il-verdett intlaħaq minn ġurija f’ Los Angeles.
Dan kien it-tieni proċess kriminali kontra Weinstein. Fil-Qorti ħareġ li meta kien attiv fl-industrija tal-films, Weinstein uża l-influwenza tiegħu biex iħajjar lil nisa jattendu laqgħat privati. Kien waqt dawn l-hekk imsejħa laqgħat li kien jattakkahom.
Ħames snin ilu, l-aġir ta’ Weinstein kien dak li skatta l-moviment ta’ kontra l-abbuż sesswali #MeToo. Kienu bosta atturi, il-maġġoranza tagħhom nisa, li ħarġu fil-beraħ jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom.
Weinstein, li għandu 70 sena u li huwa rebbieħ ta’ premju Oscar, diġà qed jiskonta sentenza ta’ 23 sena ħabs wara li kien instab ħati ta’ stupru u attakk sesswali fi process ieħor li kien seħħ fi New York sentejn ilu. Issa qed jiffaċċja sa 24 sena ħabs meta jingħata sentenza ġdida.
Il-vittma din id-darba hija magħrufa bħala Jane Doe 1, biex tiġi protetta l-anonimità tagħha. Intant il-ġurija ma setgħetx tilħaq verdetti dwar allegazzjonijiet simili li saru minn Jennifer Siebel Newsom, il-mara tal-Gvernatur ta’ Kalifornja Gavin Newsom, u mara magħrufa bħala Jane Doe 2.
Huwa kien illiberat ukoll minn akkużi ta’ natura sesswali kontra mara oħra magħrufa bħala Jane Doe 3.
F’kummenti li tat wara l-verdett, Jennifer Siebel Newsom qalet li issa Harvey Weinstein mhux se jkun jista’ jistupra mara oħra. Żiedet tgħid li tul il-proċess, l-avukati ta’ Wienstein użaw tattiċi sessisti, miżoġinsti u anke bullying biex jintimidaw u jirredikolaw lill-vittmi.