Bil-għan li jkun hawn sptar aqwa minn dak ta’ Mater Dei, il-Gvern Malti qiegħed fil-viċin li jiffinalizza ftehim mal-Università ta’ Harvard, waħda mill-aqwa universitajiet fid-dinja, biex isservi ta’ konsulent għall-maniġment tal-isptar l-ġdid f’Għawdex rigward l-immaniġġjar, it-taħriġ u l-użu tal-apparat mediku.
Nhar it-Tnejn 6 ta’ Ġunju, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne se jkun fi triqtu lejn Boston, l-Amerka, biex jiġi ffinalizzat il-ftehim mal-Università Amerikana.
Waqt il-Kungress Reġjonali tal-Partit Laburista f’Għawdex, il-Ministru Fearne qal li wara sena ta’ negozjati beda xogħol ta’ studju fuq l-art fejn ser jinbena l-isptar il-ġdid, li mistenni jesa’ madwar 450 sodda. Il-ħruġ ta’ permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar waslu fl-aħħar stadji.
Mal-binja tal-isptar, se jkun hemm ukoll ċentru ta’ simulazzjoni fejn dawk li jridu jispeċjalizzaw jistgħu jagħmlu dan fil-gżira Għawdxija. Dan iċ-ċentru mistenni jattira diversi barrnin.
B’referenza għall-iskola medika ta’ Barts, il-Ministru qal li ser ikun hawn madwar tliet mitt student li jistudjaw f’din l-iskola.