Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jippreżenta abbozz ta’ liġi dwar il-protezzjoni tal-pulizija. “Mhux aċċettabbli li persuni waqt il-qadi ta’ dmirhom jisfaw aggrediti. Allura se naraw li nżidu l-pieni,” qal Michael Farrugia f’okkażjoni li matulha l-Korp tal-Pulizija laqa’ fi ħdanu 96 uffiċjal ġdid tal-pulizija wara li temmew b’suċċess taħriġ intensiv ta’ 12-il ġimgħa. B’66 minn dawn huma rġiel filwaqt li 30 minnhom huma nisa.Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar laqa’ lil dawn l-uffiċjali l-ġodda fil-familja tal-Korp tal-Pulizija.
Fid-diskors tiegħu fisser kif l-uniformi li jridu jilbsu ta’ kuljum hija simbolu ta’ ħaqq, ġustizzja u protezzjoni. U b’lealtà jridu jservu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.