“Għandu jkun hemm inqas burokrazija u aktar sostenn lis-settur tal-avjazzjoni kummerċjali, maghruf aħjar bħala Business Aviation, biex dan ikompli jkabbar l-operat tiegħu f’Malta u jikkontribwixxi lejn l-ekonomija Maltija.”
Qalet dan l-MEP Laburista Miriam Dalli waqt żjara li għamlet fil-hangar il-ġdid tal-kumpanija MCM, li fiha ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti ta’ madwar 15-il kumpanija li topera f’dan is-settur.
“L-avjazzjoni kummerċjali tista titqies bħala niċċa ġdida li gradwalment qed tkompli tikber u tkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna. Biżżejjed wieħed isemmi li dan is-settur jimpjega direttament madwar 3,000 ħaddiem, u jġib lejn pajjiżna klijenti li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjizna. Madankollu tajjeb li nkomplu nahdmu biex nissimplifikaw ċertu aspetti burokratici biex dan is-settur ikompli jikber,” qalet Dalli.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Business Aviation Stanley Bugeja rringrazzja lil Miriam Dalli taż-żjara tagħha biex issir aktar familjari mal-isfidi u l-opportunitajiet li joffri dan is-settur.
“Illum-il ġurnata Malta qegħda fit-tielet post fl-Ewropa fejn jidħol numru ta’ titjiriet per capita fil-Business Aviation. Dan qed iwassal biex aktar minn 60% tal-impjiegi fl-avjazzjoni ta’ Malta ġej mis-settur tagħna.”
Matul il-laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ kumpaniji differenti li jaħdmu f’dan is-settur f’Malta, l-MEP Laburista ddiskutiet magħhom l-importanza li dan is-settur ikompli jtejjeb il-kredenzjali tiegħu fejn jidħol l-ambjent, u jaħdem biex jilħaq l-għanijiet li jkomplu jonqsu l-emissjonijiet fis-snin li ġejjin. Ġew diskussi wkoll dak li ġie maqbul fl-ICAO (International Civil Aviation Organisation) ix-xahar li għadda li għandu jintroduċi diversi miżuri ambjentali għall-industrija tal-avjazzjoni.
Miriam Dalli għamlet din il-laqgħa bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat ma’ stakeholders differenti li huma nteressati fil-liġijiet Ewropej partikolarment dawk ambjentali, li qed ikunu diskussa bħalissa fil-kumitat tal-ambjent tal-Parlament Ewropew.