Wara li fis-sena 2020 f’pajjiżna saru sitt omiċidji, is-sena 2021 kienet waħda li fiha inħasdu inqas ħajjiet minn id malinna f’pajjiżna. Tul is-sena li għaddiet inħassdet il-ħajja ta’ żewġ persuni f’żewġ omiċidji separati inqas minn xahar ’il bogħod minn xulxin.
L-ewwel omiċidju għal din is-sena kien seħħ fl-10 ta’ Ġunju u ħa l-ħajja ta’ Isaac Kwabena Kyere ta’ 23 sena. Huwa kien inqatel fi ġlieda fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa. Kyere kien instab mill-pulizija mixħut mal-art mimli dmija, ibati biex jieħu n-nifs u b’diversi daqqiet f’sidru.
Dakinhar il-pulizija kienu ppruvaw ikellmuh iżda kien mitluf minn sensih. Huwa kien miet aktar tard bil-lejl, bl-awtopsja tikkonferma li r-raġel kien sofra minn 18-il daqqa ta’ sikkina.
Kien hemm ukoll daqqiet oħra fil-pala ta’ idu u f’dirgħajh, li kienu ċċertifikati bħala daqqiet li saru wara li ddefenda ruħu.
Jumejn wara l-qtil Amo Frank Kwaku ta’ 25 sena mill-Ghana tressaq il-Qorti akkużat li wettaq l-omiċidju ta’ Kyere. Fil-Qorti intqal kif Kwaku kien ammetta mal-pulizija li wettaq il-qtil ftit wara li ġie arrestat fl-istess lejl li fih seħħ l-omiċidju.
Huwa kien ġie arrestat wara li l-pulizija segwewh u qabduh wara li pprova jaħrab jiġri fuq il-bjut. Is-sikkina li ntużat fil-qtil instabet taħt siġra fi Triq il-Jum.
Fil-Qorti sar magħruf kif allegatament l-omiċidju seħħ wara ġlieda li qamet bejn l-akkużat u l-vittma dwar flixkun whisky.
It-tieni u l-aħħar omiċidju tas-sena 2021 seħħ fit-2 ta’ Lulju f’appartament fil-Mellieħa hekk kif raġel mill-Filippini ta’ 44 sena qala’ daqqiet ta’ sikkina f’sidru u f’għonqu.
Mal-wasla tagħhom fuq il-post il-pulizija sabu lil Marcelino Montalban Saraza mixħut wiċċu ’l isfel mal-art fil-kċina u mgħotti b’liżar. Il-pulizija elevat żewġt iskieken li allegatament intużaw.
Ħamest’ ijiem wara fil-Qorti Mayumi Santos Patacsil, Filippina ta’ 44 sena wieġbet mhux ħatja li qatlet lir-raġel, li għamlet rapport qarrieqi mal-pulizija u li bagħbset l-evidenza.