Is-sena 2020.
Sena ta’ sfidi, sena ta’ adattament u sena mimlija wċuh ġodda fl-ogħla karigi kostituzzjonali ta’ pajjiżna.
Hekk kif qed noqorbu lejn tmien din is-sena li ser tibqa’ mnaqqxa fl-istorja, ONE News permezz ta’ dan is-servizz se jagħti ħarsa kronoloġika mill-bidu ta’ din is-sena lejn it-tibdil fl-ogħla karigi ta’ pajjiżna.
L-akbar ħatra u li xprunat numru ta’ ħatriet ġodda fil-pajjiż għas-sena 2020 waslet fit-13 ta’ Jannar.
Dakinhar Malta kellha Prim Ministru ġdid.
L-Avukat Robert Abela ħa l-ġurament fil-Palazz tal-President wara li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu huwa nħatar bħala Mexxej tal-Partit Laburista.
Qal kif, “Jien Robert Abela solenniment naħlef li naqdi fedelment u skont il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħu bħala prim ministru skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta mingħajr biża’ jew favur hekk Alla jgħini.”
B’Dr.Robert Abela fit-tmun tal-Partit Laburista segwew numru ta’ bidliet fl-Amministrazzjoni nnifisha tal-Partit Laburista.
L-ewwel bidla waslet fil-kariga tas-Segretarju tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista hekk kif Catherine Fenech ħadet post mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela fil-31 ta’ Jannar.
Però f’dan il-perjodu ma kienx biss il-Partit Laburista li kien qed jibdel il-karigi tiegħu.
Fit-12 ta’ Frar Francis Zammit Dimech tal-Partit Nazzjonalista, inħatar Segretarju Ġenerali Interim wara r-riżenja ta’ Clyde Puli hekk kif għal darba darbtejn kien ilmenta dwar għadd ta’ manuvri li saru minn deputati u ċirku ta’ nies li baqgħu qatt ma aċċettaw lil Adrian Delia fit-tmun ta’ partit.
Intant fis-26 ta’ Frar il-Partit Laburista kompla bit-tiġdid pożittiv tiegħu hekk kif ra il-wiċċ ġdid ta’ George Azzopardi fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv hekk kif ħa post Randolph Debattista.
It-8 ta’ April immarkat l-ewwel ġurnata fejn fiha Gvern Laburista b’mod konkret beda jara riżultati mill-isbaħ favur il-governanza tajba u s-Saltna tad-Dritt.
Dakinhar Dr. Mark Chetcuti nħatar bħala Prim Imħallef minflok il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzoprdi li rtira bl-età.
Il-ħatra ta’ Dr. Mark Chetcuti waslet wara qbil unanimu fil-Parlament.
Spjega, “Kif nafu il-qrati huma waħda mit-tliet branki tad-demokrazija f’pajjiżna. Nafu li l-partit politiċi qasmitna f’dawn l-aħħar snin. L-inkwiet dejjem dar madwar il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt. Illum il-kariga tal-Prim Imħallef kien dak li għaqqadna.”
Ir-riformi fl-ogħla istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma waqfux hemm. Wara li l-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-riżenja tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar u ħabbar proċess ġdid u trasparenti ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, fit-23 ta’ Ġunju kien imiss lil Angelo Gafà sabiex jokkupa din il-kariga tant importani.
Għal din il-ħatra konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, il-Partit Nazzjonalista għamel bojkot fil-grilling ta’ Gafà fil-Kumitat Parlamentari tal-Ħatriet Pubbliċi.
Fil-25 ta’ Ġunju, imtliet pożizzjoni kostituzzjonali oħra, din id-darba dik tal-Kummissarju Elettorali.
B’appoġġ miż-żewġ naħat tal-kamra, Joseph Camilleri ħa post Joseph Church li miet ftit wara.
Intant il-bidliet fuq livell ta’ Partit għall-Partit Laburista komplew taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela hekk kif fil-15 ta’ Lulju Dr. Ramona Attard inħatret bħala President tal-Partit Laburista.
Hija ħadet post il-Perit Daniel Micallef li propju 10 ijiem wara jiġifieri fil-25 ta’ Lulju, ġie elett bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
Qal kif, “Grazzi mill-ġdid ta’ din il-fiduċja. Ninsab imċekken u nħares il-quddiem li naħdem dejjem aktar għal dan il-partit li fih trabbejt, ħdimt u tant inħobb.”
Is-sena 2020 tibqa’ wkoll imfakkra għall-ħatriet eklesjastiċi kbar li ġabet magħha fuq livell nazzjonali.
Fil-21 ta’ Awwissu, Għawdex kellu Isqof ġdid hekk kif Dun Anton Theuma ġie ordnat d-disa’ Isqof tal-gżira tat-tliet għoljiet.
Dun Theuma kien ilu involut fil-Kummissjoni Djoċesana Familja f’Għawdex u kien anki delegat tal-Isqof Mario Grech fil-Kummissjoni.
Hekk kif bdew jidħlu x-xhur Xitwin, Gvern Laburista kompla b’ħatriet kostituzzjonali b’saħħithom.
Din id-darba kien imiss l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li jara bidla hekk kif fid-9 ta’ Settembru Victoria Buttigieg ħadet post Peter Grech.
Hija inħatret wara sejħa pubblika u ntagħżlet minn Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti minn tliet imħallfin irtirati.
Wasal Ottubru u wara sajf ieħor ta’ maltemp qalil f’Tal-Pietà, it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista għażlu Kap ġdid.
Bernard Grech ġie elett bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista wara t-tieni elezzjoni ta’ Kap f’temp ta’ sentejn hekk kif l-eks kap Adrian Delia ġie sfiduċjat f’diversi organi differenti fi ħdan il-Partit stess.
Dan wara li ġie żvelat li Adrian Delia kien f’kuntatt mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Minn hemmek segwew aktar sondaġġi li komplew jitfgħu r-riħ fil-poppa tad-deputati ribelli sabiex fl-aħħar waslu biex intefgħu b’ruħhom u ġisimhom wara Bernard Grech.
Min hemmek skattat kampanja mill-aktar maħmuġa fejn fost oħrajn ġie żvelat kif Bernard Grech evita għal aktar minn darba milli jħallas it-taxxa dovuta u saħansittra ddikjara inqas minn dak li daħħal verament.
Fis-7 ta’ Ottubru Bernard Grech ħa l-ġurament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Hekk il-kariga ta’ Avukat tal-Istat kienet vakata minn Victoria Buttigieg sabiex tassumi l-irwol ta’ Avukat Ġenerali, kien imiss lil Dr.Chris Soler sabiex jokkupa din il-kariga.
Fil-fatt, fil-15 ta’ Ottubru, Dr. Chris Soler intgħażel bħala t-tieni Avukat tal-Istat tar-Repubblika ta’ Malta hekk kif l-uffiċċju beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nfatam fi tnejn.
Dan kien sar sabiex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali gradwalment jieħu f’idu l-prosekuzzjonijiet kollha f’pajjiżna waqt li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat iservi bħala l-konsulent ewlieni tal-Gvern.
Il-kreazzjoni ta’ Mario Grech bħala t-tielet kardinal Malti u Għawdxi kienet l-aħħar ħatra għal din is-sena.
Din waslet fit-28 ta’ Novembru fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
B’hekk permezz ta’ din il-kreazzjoni l-Isqof Emeritu ta’ Għawdex li għandu 62 sena issa mistenni jipparteċipa fil-konklavi, u se jkompli ħidmietu fil-Kurja Rumana bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Grech kien l-ewwel persuna li sejjaħ il-Papa Franġisku sabiex ikun kardinal minn fost lista ta’ tlettax.