Ta’ kull sena bosta temi jiddominaw l-aħbarijiet ta’ kuljum.
Dawn ivarjaw minn dawk li jikkonċernaw il-politika, il-kultura u l-isport, fost oħrajn. Madankollu l-kronaka tibqa’ tema li kull darba li tfeġġ aktarx tiddomina fl-ewwel parti tal-bulettini tal-aħbarijiet minħabba l-importanza li ġġorr.
Dan speċjalment f’każ ta’ inċidenti li jwasslu għal fatalitajiet.
L-2021 ma kienetx eċċezzjoni. F’dan is-servizz se tingħata ħarsa lejn 12-il inċident partikolari li wasslu għal fatalitajiet sfortunati.
L-ewwel każ sfortunat għal din is-sena seħħ fit-tnax ta’ Marzu.
Amerikan ta’ 59 sena tilef ħajtu wara li tfixkel fit-taraġ b’riżultat li waqa’. L-inċident traġiku seħħ għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija fiblokka f’Misraħ Dom Mawru Inguanez, l-Isla.
Fit-18 ta’ April, Malta kellha l-ewwel fatalità fit-toroq tagħha.
Dan kien Julian Spiteri li fl-età tenera ta’ 19-il sena tilef ħajtu wara li l-karozza li kien qed isuq baqgħet dieħla f’siġra fi Triq l-Infetti fl-Imdina. Miegħu fil-karozza tat-tip Volkswagen kien hemm passiġġier li għandu wkoll 19-il sena. Huwa kien ġarrab ġrieħi gravi.
Ix-xhur Sajfin f’Malta magħrufin tant għall-baħar u li jġibu magħhom eluf ta’ turisti fis-sena wkoll ħallew fatalità.
Fil-fatt, 3 xhur wara l-ewwel fatalità fl-Isla, Ingliż ta’ 62 sena ttella’ mill-baħar mejjet f’Buġibba. Huwa ttella’ mill-baħar viċin l-Akkwarju Nazzjonali f’Buġibba għall-ħabta tas-13:00 ta’ waranofsinhar. Dakinhar l-ewwel investigazzjonijiet urew li r-raġel waqt li kien fuq il-blat, għal xi raġuni tilef il-bilanċ u waqa’ ġol-baħar.
Inċident sfortunat ieħor kien dak tat-22 t’Awwissu li ħasad il-ħajja ta’ raġel ta’ 32 sena mill-Venezwela. Dakinhar fis-6 ta’ filgħodu fl-inħawi tal-Qroqq fl-Imsida, ir-raġel waqa’ minn ogħli ta’ madwar 3 sulari għal ġo bitħa f’residenza privata.
Huwa tilef ħajtu kawża tal-ġrieħi li ġarrab, l-għada, it-Tnejn filgħodu fl-Isptar Mater Dei.
Fid-9 ta’ Settembru mara oħra tilfet ħajjitha fil-Gżira wara li ntlaqtet minn mutur għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ filgħodu fi Triq ix-Xatt. Hija allegatament ittajret minn raġel ta’ 43 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.
It-tnax ta’ Novembru tibqa’ mfakkra bħala l-ġurnata fejn fiha Malta u Għawdex bkew it-telfa ta’ Alan Galea.
Il-ġuvni ta’ 19-il sena mill-Mosta tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku ikraħ fl-Imġarr. Kawża tal-inċident dakinar ġuvni ieħor ta’ 18-il sena sofra minn ġrieħi li poġġewh f’periklu tal-mewt.
Minn investigazzjonijiet li saru dakinhar, irriżulta li karozza tal-għamla Toyota, misjuqa minn Galea ħabtet ma’ vann tal-għamla Mitsubishi misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Imġarr.
Iż-żgħażagħ kienu sejrin fid-direzzjoni lejn il-Mosta filwaqt li r-raġel kien qed isuq fid-direzzjoni lejn l-Imġarr.
Galea kien tilef ħajtu ftit wara li seħħ l-inċident kawża tal-ġrieħi li ġarrab.
Propju jumejn wara fl-14 ta’ Novembru Tuneżina ta’ 30 sena tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku fix-Xemxija. Hija ntlaqtet minn karozza tal-għamla Mercedes Benz fit-telgħa tax-Xemxija. Sfortunatament hija ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post.
Inċident tat-traffiku ieħor fl-2021 li żgur baqa’ mnaqqax fil-memorja ta’ ħafna kien dak li ħasad il-ħajja ta’ Ismael Grima ta’ 21 sena minn San Ġiljan. Kien propju fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu tas-Sibt 20 ta’ Novembru fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħal Luqa li l-karozza ta’ Grima tal-għamla BMW 320 CD Sport tilfet il-kontroll, ħabtet f’ħajt tas-sejjieħ u spiċċat f’għalqa fil-qrib.
Dakinhar ONE News li kien l-ewwel fuq il-post u li osserva l-investigazzjonijiet anke minn esperti tal-Qorti, kien infurmat li Grima flimkien mat-tfajla li kienet passiġġiera miegħu u li ġarrbet ġrieħi serji, mal-impatt spiċċaw barra mill-karozza f’għalqa fil-qrib.
Għall-funeral ta’ Grima ftit jiem wara kienu attendew għexieren ta’ persuni fosthom żgħażagħ hekk kif iċċelebraw il-ħajja tiegħu u ddeskrivewh bħala “żagħżugħ maħbub minn ħafna.”
Jum qabel il-funeral ta’ Grima f’każ seperat ġie rrapurtat nieqes Danilo Scolari ta’ 42 sena. Ftit jiem wara propju fis-26 ta’ Diċembru kien instab il-katavru tiegħu qrib Filfa. Wara investigazzjonijiet li saru rriżulta li dakinhar li Scolari kien irrapurtat nieqes, huwa kien qed jogħdos fl-inħawi tal-Port Ħieles, f’Birżebbuġa.
Erbat ijiem qabel il-Milied aħbar oħra li ħasdet lil ħafna kienet propju dik tal-mewt ta’ Amadou Sewaneh.
Ir-raġel mill-Gambja ta’ 46 sena kien involut f’inċident ikrah waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni f’tank fejn jinħażen il-fjuwil f’Ħas-Saptan, limiti ta’ Ħal Għaxaq.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel tilef ħajtu wara li nqabad bejn saqaf ta’ tank u l-kabina ta’ cherry picker li kien fiha, b’riżultat li spiċċa mgħaffeġ.
Fis-27 ta’ Diċembru għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħaxija raġel ta’ 30 sena minn Birkirara wkoll tilef ħajtu wara li allegatament waqa’ minn għoli mill-Ġnien ta’ Hastings fil-Belt. Huwa kien ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Fl-aħħar nett inċident li nissel sens ta’ dieqa f’qalb ħafna u li ġab dieqa fi żmien ta’ festi f’pajjiżna kien dak li involva lit-tabib Dr Victor Calvagna fit-28 ta’ Diċembru.
Calvagna li huwa wkoll il-President ta’ Puttinu Cares u konsulent tat-tfal morda bil-kanċer, kien qed jiġri bħala parti mit-taħriġ fiżiku li jagħmel, meta ntlaqat minn karozza tat-tip Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 31 sena minn San Pawl il-Baħar.
Calvagna ta’ 63 sena mill-Mosta ddaħħal l-isptar u għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku.
Madwar tliet ijiem wara l-inċident Calvagna ġie ċċertifikat li huwa klinikament mejjet wara testijiet li sarulu. Propju dakinhar stess martu ħabbret fuq Facebook kif se jkun qed jitwaqqaf it-trattament li kien qed jingħata fejn se titħalla f’idejn in-natura biex twettaq xogħlha.