Il-Parlament Malti nfetaħ ftit iżjed minn mitt sena ilu, wara l-irvellijiet tas-Sette Giugno. Dan hekk kif il-Gvern Kolonjali Ingliż ta lil Malta l-Kostituzzjoni Amery-Milner, li kienet tinkludi l-introduzzjoni ta’ Gvern Malti responsabbli mill-affarijiet lokali.
L-ewwel Speaker tal-Parlament Malti kien Edgar Arrigo.
F’dan iż-żmien, il-Parlament Malti kellu tnejn u tletin siġġu u żewġ kmamar; li kienu l-Assemblea Leġislattiva, li huwa l-Parlament kif nafuh illum, u s-Senat.
Fl-għoxrinijiet u fil-bidu tat-tletinijiet, l-elezzjoni biex jiġu eletti l-Membri Parlamentari kienet issir kull tliet snin.
Fl-elezzjoni tal-elf, disa’ mija u tnejn u tletin, il-Partit Nazzjonalista kien ġab l-iżjed siġġijiet fil-Parlament. Il-Gvern Kolonjali Ingliż kien issospenda din il-Kostituzzjoni u twaqqaf il-Parlament.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-elf disa’ mija u sebgħa u erbgħin, il-Gvern Ingliż ta kostituzzjoni oħra lill-Maltin. Din id-darba, setgħu jivvutaw l-irġiel u n-nisa kollha li kellhom ’il fuq minn wieħed u għoxrin sena.
Is-snin ħamsin kienu kkaratterizzati minn gvernijiet b’koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista ta’ Ġorġ Borg Olivier u l-Malta Workers’ Party ta’ Pawlu Boffa, iżda ma kinux ta’ suċċess. Sakemm imbagħad fl-elf disa’ mija ħamsa u ħamsin, il-Partit Laburista ta’ Dom Mintoff, rebaħ l-elezzjoni. Iżda minħabba diżġwid mal-Ingliżi, hekk kif bdew jagħtu s-sensji lill-ħaddiema Maltin, il-Gvern irriżenja u l-Kostituzzjoni ġiet sospiża.
Imbagħad fl-elf disa’ mija tnejn u sittin, il-Gvern Ingliż ta Kostituzzjoni ġdida, li wasslet għal Malta indipendenti, sentejn wara.
Fil-bidu tas-sebgħinijiet, il-Partit Laburista tal-Perit Mintoff rebaħ l-elezzjoni u fl-elezzjoni tal-elf disa’ mija sitta u sebgħin setgħu jivvutaw dawk li kellhom ’il fuq minn tmintax-il sena. Sa dakinhar, il-Parlament Malti kien jiltaqa’ fis-Sala tal-Arazzi fil-Palazz tal-President, imbagħad kien mexa għal fejn kienet l-Armerija fis-sular ta’ fuq tal-Palazz tal-President.
Wara l-elezzjoni tal-elf disa’ mija sitta u disgħin, għall-ewwel darba, il-Parlament Malti kellu Speaker mara, li kienet in-Nutar Myriam Spiteri Debono.
Fl-elfejn u ħmistax, il-Parlament Malti mexa għal binja għalih, fid-daħla tal-Belt. Bis-saħħa ta’ liġijiet li għaddew fil-leġiżlatura li għaddiet, l-età ta’ dawk li qed jivvutaw fl-elezzjonijiet, niżlet għal sittax-il sena.