Fil-ġurnata li tiġi ċċelebrata l-akbar festa għall-Knisja Kattolika, isiru bosta attivitajiet marbuta ma’ tradizzjonijiet uniċi għall-gżejjer Maltin.
Fl-istess waqt, jitfakkru tradizzjonijiet oħra impurtati minn barra ’l pajjiż li ġew addattati għal Malta, bħall-figolli, li ġew ispirati minn ħelu simili fi Sqallija.
F’Ħadd il-Għid, ONE News tkellem ma’ Brian Bonnici, li kiteb fid-dettall dwar it-tradizzjonijiet marbuta ma’ dan iż-żmien f’pajjiżna.
Huwa spjega kif il-kult tal-Irxoxt mhux dejjem kien b’saħħtu, imma ħa spinta qawwija fis-snin sebgħin u tmenin.
Bonnici sostna li waħda mill-ibliet Maltin bi tradizzjoni unika hija dik tal-Birgu.
Qal, “Fil-Birgu partikolarment kellhom tradizzjoni oħra jgħidulha l-Beġiġġa. Dan f’Sibt il-Għid kulħadd kien joħroġ jagħmel il-ħsejjes bil-borom u t-taġnijiet biex juru li issa wasal żmien il-qawmien, żmien il-ferħ wara dawk l-erbgħin jum, żgur mhux bħal-lum. Qabel fl-imgħoddi l-erbgħin jum ta’ sawm u astinenza kien jiġi mħares sewwa. Kien ikun hawn ċertu toqol li tħossu fl-ambjent tal-madwar.”
Bieb ma’ bieb mal-Birgu, f’Bormla kien hemm it-tradizzjoni li l-ġenituri jerfgħu lil uliedhom fil-gallarija ta’ darhom biex jippruvaw imissu l-istatwa ta’ Kristu Irxoxt waqt il-purċissjoni.
Spjega, “Punt interessanti li kien qalli l-patri Dijonisju Mintoff kien li jiftakar lil ommu tgħid li hi kienet toħroġhom mill-gallarija u ħuh, l-eks Prim Ministru Dom Mintoff ukoll, kif kienet tgħid ommu dan miss b’idejh l-istatwa tal-Irxoxt ta’ Bormla.”
L-awtur, li kiteb b’mod estensiv fuq it-tradizzjonijiet Maltin fi żmien l-Għid, innota li filwaqt li festi oħra qed jitilfu s-sens ta’ awtentiċità u jsiru aktar kummerċjali, dan mhux il-każ għall-festa tal-Għid.
Qal, “Purċissjonijiet li għall-bidu kellhom problema anke bl-awtoritajiet tal-Knisja fosthom insemmu l-Kalkara li issa reġgħet bdiet issir, għandek purċissjonijiet li ħarġu mill-każini tal-baned għax ovjament ma bdewx jorganizzawhom il-knejjes, insemmu Birkirkara fost l-oħrajn mill-każin Sant Elena. Iġifieri interess hemm ovjament bħal kull ħaġa oħra ż-żmien ibiddel u int trid tinbidel miegħu.”