Din il-ġimgħa l-Parlament Malti waqaf għall-vaganzi tas-Sajf. Iżda qabel ma’ jerħulha ‘l baħar b’xi ġelat tajna ħarsa lejn dak li wettqu fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena.
Kienu 4796, il-mistoqsijiet Parlamentari li saru bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena, bix-xahar ta’ April l-iktar li qanqal xogħol għall-ministeri hekk kif kienu mpoġġija l-ikbar numru ta’ domandi lill-Kabinett- b’kollox disgħa mija, tnejn u disgħin.
Jgħidu li l-mistoqsija oħt il-għerf, u fil-Parlament Malti l-iktar żewġ deputati li ħadu dan il-qawl bis-serjetà kienu Silvio Schembri, min-naħa tal-gvern, u Ċensu Galea min-naħa tal-Oppożizzjoni, bħala tnejn li l-iktar għamlu mistoqsijiet parlamentari.
L-iktar ministru li kellu x’jirrispondi kien dak tat-Trasport u l-Infrastruttura- Joe Mizzi- għaliex nassumu li l-mistoqsijiet dwar il-ħofor u r-rottot il-ġodda, fost oħrajn, niżlu għasel mal-kostitwenti.
Il-Kumitati Parlamentari f’dawn is-seba’ xhur issoktaw bis-seduti – bl-iktar kumitat li ltaqa’ kien dak tal-kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi tal-Liġijiet, bi 33 laqgħa.
F’ April u Mejju l-gvern rebaħ tlett mozzijiet ta’ fiduċja fuq xulxin meta nqatgħet xewqet l-oppozizzjoni li tkun taf x’saħħa għandha din l-amministrazzjoni. Nhar it-Tnejn, 18 t’ April, tibqa’ fil-memorja ta’ ħafna l-maratona ta’ tlettax-il siegħa dibattitu li ddiskutiet il-mozzjoni ta’ sfiduċja mressqa minn Simon Busuttil, emendata f’mozzjoni ta’ fiduċja li għaddiet bi tmienja u tletin vot favur, wieħed u tletin vot kontra.
S’ issa din is-sena l-Parlament ra riżenja waħda, dik ta’ Albert Fenech, li ma setax ikompli jkun parti minn Oppożizzjoni li tikkritika l-proġetti ġodda fil-qasam tas-saħħa meta hu stess jokkupa kariga għolja f’wieħed mill-isptarijiet ġodda li qed isiru bejn il-Gvern u l-privat.
Kienu seba’ xhur movimentati, u wara x-xahrejn vaganzi tas-Sajf li bdew minn din il-ġimgħa, il-Parlament f’Ottubru jissokta bil-ħidma biex jingħaddu iktar liġijiet ġodda hekk kif imwegħda fil-Manifest Elettorali