Il-Ħamis 8 ta’ Mejju 2025, il-Knisja Kattolika għamlet pass storiku bl-elezzjoni ta’ Papa ġdid: il-Kardinal Robert Francis Prevost, li ħa l-isem ta’ Papa Ljun XIV.
L-elezzjoni tiegħu kienet bla preċedent: hu l-ewwel Amerikan li qatt sar Papa u anke l-ewwel wieħed mill-Ordni Agostinjan, anke jekk fost l-aktar ordnijiet reliġjużi antiki u teoloġikament profondi tal-Knisja.
Prevost twieled f’Chicago fl-14 ta’ Settembru tal-1955. It-tfulija tiegħu kienet mmarkata mill-faqar u l-umiltà, iżda għani spiritwalment.
Il-ġenituri tiegħu, Arthur Prevost, b’dixxedenza Franċiża u Taljana, u Mildred Martínez, b’dixxendenza Spanjola, tawh edukazzjoni reliġjuża sħiħa mill-bidu.
Ommu kienet minn New Orleans u dan kompla jgħaqqdu ma’ għeruq diversi u kulturi differenti, esperjenza li aktar tard għenet fil-ħidma missjunarja tiegħu.
Minn età żgħira, Prevost wera interess fil-ħajja reliġjuża. Hu kien abbati, membru tal-kor u involut fl-attivitajiet parrokkjali. Din il-formazzjoni sa minn kmieni wasslitu biex jissieħeb fl-Ordni Agostinjan, fejn studja l-filosofija u t-teoloġija.
Hu ġie ordnat saċerdot fl-1982 u, ftit wara, intbagħat fil-Perù fejn għamel snin twal fost komunitajiet fqar, joffri servizz bħala saċerdot u missjunarju.
Il-ħidma tiegħu fil-Perù kienet strumentali biex wera t-talent tiegħu bħala mexxej reliġjuż. Jibqa’ magħruf għall-umiltà, għat-twettiq ta’ riformi pastorali u għall-kapaċità tiegħu li jisma’ u jifhem il-bżonnijiet tan-nies.
Fl-1999, dan l-impenn ġie rikonoxxut meta ġie elett bħala Superjur Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, kariga li żamm għal żewġ mandati.
Fl-2014, ġie msejjaħ minn Papa Franġisku biex jaqdi bħala isqof fil-Perù, fejn komplew jidhru l-ħiliet tiegħu ta’ riformatur u gwida spiritwali. Fis-snin ta’ wara, ġie appuntat bħala prefett tal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet, wieħed mir-rwoli l-aktar influwenti fil-Kurja Rumana.
Hemmhekk, Prevost ħadem biex jipprovdi tmexxija trasparenti u b’sens ta’ dixxerniment pastorali fil-ħatra ta’ isqfijiet ġodda madwar id-dinja.
Wara l-mewt tal-Papa Franġisku, il-konklavi tal-aħħar jiem għażel lil Prevost b’appoġġ li kellu jkun mill-inqas ta’ żewġ terzi tal-kardinali.
L-għażla tiegħu kienet simbolu ta’ bidla u kontinwità fl-istess ħin. Papa li ġej minn esperjenza ta’ ħidma diretta mal-massa u mhux mill-istrutturi ekkleżjastiċi tradizzjonali ta’ Ruma.
L-isem li għażel – Ljun XIV – jista’ jissejjaħ bħala ġest ta’ rispett lejn Papa Ljun XIII, magħruf għall-ħidma tiegħu fuq il-ġustizzja soċjali, kif ukoll għal Fra Leone, li kien ħabib ta’ San Franġisk t’Assisi, li kien il-qaddis li ispira lill-predeċessur tiegħu, Papa Franġisku.
Bħala l-Papa Ljun XIV, hu mistenni jkompli jiffoka fuq kwistjonijiet li kienu viċin il-qalb ta’ Franġisku: id-drittijiet tal-foqra, il-paċi fid-dinja, id-djalogu inter-reliġjuż u r-riforma kontinwa tal-Knisja. Hu wkoll mistenni li jġib miegħu stil ta’ tmexxija aktar kolleġġjali, immirata biex jisma’ lil kulħadd, mhux l-inqas minn reġjuni bħall-Amerika Latina, l-Afrika u l-Asja.