Il-kandidata Demokratika għall-elezzjoni Presidenzjali Amerikana, Kamala Harris, u Tim Walz, li ntagħżel minnha biex ikun il-Viċi tagħha, f’każ li tiġi eletta fil-White House, f’Novembru li ġej, dehru flimkien fl-ewwel attività politika tagħhom.
F’messaġġ li għadda f’din l-attività f’Philadelphia, Walz qal li jekk jiġi elett bħala President il-kandidat Repubblikan Donald Trump, dan se jieħu lill-Istati Uniti lura u mhux ’il quddiem.
Il-Gvernatur ta’ Minessota indirizza folla numeruża, ftit sigħat biss wara li ġie magħżul bħala l-id il-leminija ta’ Harris. Analisti jqisu li l-għażla ta’ Walz tista’ tirbaħ lura l-fiduċja tal-klassi tal-ħaddiema għall-Partit Demokratiku.
Kamala Harris qalet li r-riżultat tal-elezzjoni li jmiss se jkun viċin ħafna u li l-Partit Demokratiku se jkun l-underdog.
F’attività tal-Partit tiegħu, min-naħa l-oħra, Trump irreaġixxa għall-għażla ta’ Walz fejn qal li dan hu estremist liberali perikoluż.